Lokali

L-irkant tal-Pulizija sospiż minħabba mandat ta’ inibizzjoni

Il-Korp tal-Pulizija ħabbar li l-irkant tal-armi u l-vetturi ġie sospiż għal data oħra. Dan minħabba mandat ta’ inibizzjoni li ngħata mill-Qorti.

Il-Korp tal-Pulizija qal li l-‘viewing’ se jibqa’ għaddej kif reklamat sakemm titħabbar data ġdida għall-irkant.

Il-mandat ingħata wara li l-Qorti laqgħet talba biex jitwaqqaf l-irkant wara protest li sar mill-Assoċjazzjoni tal-Pulizija sabiex membri taċ-ċivil ikunu jistgħu jipparteċipaw f’dan l-irkant.

L-irkant kien se jsir f’żewġ sessjonijiet, bl-ewwel waħda suppost ssir għada. Fiha kienu se jiġu rkantati 129 vettura li kienu jintużaw mill-Korp tal-Pulizija. Dan apparti iktar minn 800 arma tan-nar li kienu jintużaw fil-passat minn membri tal-Korp jew inkella armi tan-nar li ġew sekwestrati matul iż-żmien.

L-applikazzjoni għall-mandat ta’ inibizzjoni, li ntlaqgħet mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon, saret kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, l-Ministeru tal-Intern, is-Segretarjat Permanenti kif ukoll kontra l-irkantaturi Pierre Grech Pillow u Obelisk Auctions Limited.

Fil-protest tagħhom, l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija flimkien ma’ żewġ uffiċjali pubbliċi, Malcolm Bondin u Frankie Sammut, qalu li xtaqu li jipparteċipaw fl-irkant li se jsir – xi ħaġa li ma jistgħux jagħmlu peress li huma uffiċjali pubbliċi. Ingħad ukoll li din l-esklużjoni hija diskriminatorja, arbitarja u llegali.