Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni tappoġġja lill-Gvern Malti fil-pożizzjoni li qed tieħu l-UE dwar il-Greċja

L-Oppożizzjoni tenniet l-appoġġ lill-Gvern Malti fil-pożizzjoni li qed jieħu fit-taħditiet li l-Unjoni Ewropea qed tmexxi mal-Gvern ġdid fil-Greċja biex l-ewwel u qabel kollox jinżammu l-obbligazzjonijiet tal-Greċja fid-dawl tad-dejn li dan il-pajjiż għandu mal-pajjiżi Ewropej, fosthom ma’ Malta.

L-Oppożizzjoni tilqa’ wkoll id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej li jiġi estiż iż-żmien biex il-Greċja tkompli miexja bil-programm ta’ riformi miftiehem hekk kif tistenna wkoll b’ħerqa l-punti ta’ riformi li se tkun qed twettaq il-Greċja fil-perjodu ta’ estensjoni li qed tingħata.

Dan l-appoġġ tal-Oppożizzjoni esprimih fil-Parlament illejla l-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni u Shadow Minister għall-Finanzi, Mario de Marco, li kien qiegħed jitkellem wara stqarrija li għamel il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.

Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni appoġġjat il-pożizzjoni li ħa l-Gvern Malti wara l-bidla fil-Gvern fil-Greċja, u fisser li ma kienx aċċettabbli li ssir kunsiderazzjoni li jitħassar id-dejn tal-Greċja, fosthom ma’ Malta.

Il-Ministru tal-Finanzi ta rendikont dwar it-taħditiet li saru fl-aħħar jiem u li wasslu għal qbil biex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ testendi l-perjodu b’erba’ xhur biex il-Greċja, taħt il-gvern ġdid elett, tkun tista’ tonora l-obbligazzjonijiet kollha fil-programm eżistenti.

Il-Ministru Edward Scicluna fisser li l-qagħda ekonomika fil-Greċja, waqt il-kampanja elettorali u wara l-elezzjoni, marret għall-agħar b’sitwazzjoni li fiha kienu qed jiġu irtirati kuljum id-depositi fil-banek. F’ġurnata waħda ħarġu biljunm ewro mill-banek Griegi. Il-qgħad laħaq il-25%, u d-dejn ilaħħaq 175% tal-Prodott Domestiku Gross.

Spjega wkoll li l-Gvern Malti nsista li l-Gvern Grieg irid jonora l-ftehim li hemm, inkluż id-dejn ma’ pajjiżna, u biex jinstabu l-formoli biex titjieb il-qagħda fil-Greċja.
Il-Ministru tal-Finanzi qal li l-Ġimgħa li għaddiet kien hemm qbil li fuq bażi tal-arranġamenti preċedenti, il-Gverb Grieg kellu jippreżenta lista ta’ inizjattivi b’lista komprensiva biex jingġata bidu għall-konklużjoni tal-programm eżitenti u li jkun hemm qbil sal-aħħar ta’ April bejnt l-istituzzjonijiet Ewropej u l-IMF.

Fisser li l-Greċja tat kelma li lesta tonora l-obbligi kollha lejn il-kredituri kollha u jassiguraw is-sostenibbiltà tal-Gvern Grieg li lest li jinbeda l-progress biex jiġġedded il-programm għal erba’ xhur oħra.