Lokali

L-SDM tieħu pożizzjoni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa

Fi stqarrija l-għaqda Studenti Demokristjani Maltin qalet li qed tieħu pożizzjoni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa. L-SDM qalet li l-kaċċa fir-rebbiegħa tmur kontra l-prinċipju tal-konservazzjoni, filwaqt li qalet li l-għaqda tal-istudenti hija favur żvilupp sostenibbli u kaċċa sostenibbli.

L-SDM qalet li l-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta hija fattur importanti fid-diskussjoni dwar l-għasafar li qed ikunu kkaċċjati waqt li jkunu qed itiru biex ikattru f’inħawi oħra Ewropej. L-SDM qalet li dan il-fattur huwa wieħed importanti, u hi tieħu dan f’kunsiderazzjoni għaliex għandha dmir fil-konservazzjoni tal-ambjent għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Fl-istqarrija, l-SDM qalet li t-tneħħija tal-kaċċa fir-rebbiegħa ma jfissirx li l-kaċċa se tinqata’ għal kollox, għax ikun fadal ħames xhur ta’ kaċċa. Ir-referendum abrogattiv jitratta biss il-kaċċa fir-rebbiegħa.

L-Istudenti Demokristjani Maltin qalu li l-istudenti kollha għandhom isemmgħu leħinhom dwar kwistjonijiet kurrenti filwaqt li ħeġġet għal proċess demokratiku ta’ diskussjoni. Ħeġġet lill-istudenti biex isemmgħu leħinhom permezz tar-referendum tal-11 t’April li ġej.