Il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), l-Avukat Lino Farrugia, qal fil-Qorti li f’35 sena ta’ ħidma b’rabta mal-kaċċa, martu qatt ma lissnet nofs ta’ kelma dwar din il-ħidma, iżda wara li rat karikatura fuq il-gazzetta Maltatoday, tant ma ħaditx pjaċir li qaltlu li xi ħaġa bħal din ma setax iħalliha għaddejja.
Farrugia kien qed jixhed fil-kawża ta’ libell li huwa fetaħ kontra Matthew Vella, l-editur, u Mark Scicluna, il-karikaturista, dwar karikatura li dehret fil-ħarġa tal-ġurnal tal-24 ta’ April 2014.
Farrugia ħassu malafamat bil-karikatura li fiha jidher bil-qalziet imniżżel u jaqdi l-bżonnijiet naturali tiegħu. Fil-karikatura jidhru wkoll il-Prim Ministru Joseph Muscat, li jidher jikkontrolla d-drone, u raġel, li skont Farrugia, huwa l-eks-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit.
Fix-xiehda tiegħu quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, li jisma’ l-libelli, Farrugia qal kif l-FKNK kienet ipprotestat wara li l-Ġermaniżi tal-CABS (Campaing Against Bird Slaughter) bdew itajru d-drones fuq Malta. Huwa qal li ma kienx l-ewwel darba li Maltatoday ġabet karikatura dwaru u sostna li għamel dan il-libell mhux għax mhux kapaċi jieħu ċajta imma peress li din il-karikatura qabżet il-limitu, wara sensiela sħiħa ta’ karikaturi fuqu.
Tenna li kienet karikatura oxxena, għax biex tagħmel l-ilma, wieħed m’hemmx għalfejn iniżżel il-qalziet kollu, qal Farrugia.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK fakkar kif meta darba għamlu karikatura fuq Arnold Cassola, Matthew Vella qalilhom li kienu “morda” u staqsihom jekk kienx xogħlhom. Farrugia ried jgħaddi kopja ta’ din il-karikatura lill-Maġistrat Depasquale imma l-Avukat Toni Abela, li qed jidher għall-ġurnal, oġġezzjona.
Waqt li qal li l-battibekki ma’ Vella ilhom għaddejjin, Farrugia sostna li f’35 sena qatt ma ddejjaq minn ċertu affarijiet imma b’din il-karikatura ħassu offiż u saħaq li jistħoqqlu iktar dinjità.
Għall-mistoqsija tal-Avukat Abela, dwar jekk qattx sema l-idjoma li xi ħadd jinqabad bil-qalziet imniżżel, Farrugia wieġeb li iva.
Mistoqsi mill-istess avukat jekk huma kontra l-użu tad-drones, ix-xhud wieġeb li huma dejjaqhom l-użu tad-drones mill-CABS għax kienu jitfgħu l-filmati fuq l-internet, imma mhux kontra l-użu tad-drones mill-Pulizija anke jekk għandhom riżervi dwar il-privatezza.
Farrugia temm jgħid li irrispettivament mid-drone li jidher fil-karikatura, il-messaġġ tal-istess karikatura kien biex jirredikola lilu, għalkemm irrikonoxxa li meta n-nies jaraw lilu jassoċjawh mal-kaċċaturi imma nsista li fil-karikatura lilu ġabu. Il-każ ikompli.
//= $special ?>