Lokali

Qligħ ta’ €52 miljun għall-HSBC, tnaqqis ta’ 42% fuq is-sena finanzjarja ta’ qabel

L-HSBC Bank Malta ħabbar li għamel qligħ qabel it-taxxa ta’ €52 miljun għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2014. Dan ifisser tnaqqis ta’ €38 miljun – jew 42% – meta mqabbel mar-riżultati finanzjarji tas-sena 2013.

L-akbar kontributuri għat-tnaqqis fil-qligħ tal-HSBC kienu żieda ta’ €19-il miljun f’dawk li jissejħu ‘loan impairment charges’ minħabba evalwazzjonijiet aktar baxxi ta’ propretajiet kummerċjali, tnaqqis ta’ €14 il-miljun fi dħul minħabba l-ambjent ta’ sfida li qed jopera fih il-Bank u inqas elementi ta’ dħul mhux rikorrenti, kif ukoll żieda ta’ €5 miljun fl-ispejjeż primarjament dawk regolatorji u oħrajn ta’ compliance addizzjonali fuq investimenti.

It-tliet oqsma ewlenin tan-negozju – Retail Banking & Wealth Management, Commercial Banking u Global Banking & Markets, kollha kemm huma għamlu qligħ fl-2014.

Mark Watkinson, Direttur u Kap Eżekuttiv tal-HSBC Malta qal li l-2014 kienet sena ta’ sfidi materjali fuq diversi fronti.

“Kemm il-kundizzjonijiet li naħdmu fihom, kif ukoll l-ambjent regolatorju li kontiwament qed jinbidel kellhom l-impatt qawwi rispettiv tagħhom. Minkejja dan, il-ħidma tagħna fil-linji ewlenin tan-negozju wriet li aħna reżiljenti, u jien fiduċjuż li l-attitudni prudenti li addottajna se sservina tajjeb. L-HSBC għandu franchise eċċellenti f’Malta, u x-xogħol siewi u b’dedikazzjoni tal-impjegati tal-bank tul l-aħħar sena għandu jkun rikonoxxut. Minkejja l-kundizzjonijiet diffiċli li qed noperaw fihom, qed inkomplu ninvestu fil-bank, biex nibnu negozju sostenibbli għat-tul ta’ żmien, liema negozju se jaqdi l-aqwa interess tal-klijenti, tal-impjegati, tal-azzjonisti u tal-komunità li noperaw fiha.”

Ir-riżultati li ġew ippreżentati lbieraħ juru li d-dħul tal-bank minn imgħax nett naqas b’4% għal €120 miljun meta mqabbel mal-€125 miljun fl-2013. Waqt li d-dħul nett mill-ħlasijiet u l-kummissjonijiet ta’ €28 miljun kien b’mod ġenerali f’konformità ma’ dak tas-sena 2013.

Id-dħul minn ħlasijiet u kummissjonijiet kien ġeneralment wieħed pożittiv iżda r-riżultat aħħari ntlaqat mill-għeluq ta’ amministrazzjoni ta’ fondi u ta’ negozji ta’ kustodja li seħħew kmieni fl-2014.

L-HSBC Life Assurance (Malta) Limited irrappurtat qligħ qabel it-taxxa ta’ €9 miljun meta mqabbel mat-€13 il-miljun fl-2013. Dan minkejja li n-negozju ta’ assigurazzjonijiet ġodda żdied b’10%.

Żieda netta ta’ €2 miljun kienet irrapurtata bħala riżultat ta’ pożizzjonament mill-ġdid tal-portafoll tal-investimenti meta mqabbel mal-€4 miljun fl-2013.

L-ispejjeż tal-operat ta’ €98 miljun kienu €5 miljun (6%) ogħla meta mqabblin mas-sena ta’ qabel.

L-ispejjeż fl-2014 intlaqtu wkoll minn spejjeż addizzjonali relatati ma’ compliance u ħidma regolatorja li ammontaw għal €5 miljun. Dawn kienu assoċjati mal-ħidma biex il-Bank ikollu funzjoni ta’ Compliance aktar b’saħħitha, l-Assessjar Komprensiv tal-Bank Ċentrali Ewropew, spejjeż regolatorji ogħla, u żieda ta’ €1 miljun fi spejjeż għal irtirar volontarju aktar kmieni. Meta wieħed jeskludi dawn dawn iż-żidiet fl-ispejjeż isib li l-ispejjeż inżammu fl-istess livell tal-2013 minkejja żieda annwali f’salarji lill-impjegati u minkejja l-impatt tal-inflazzjoni.

Il-cost efficiency ratio, li jqabbel l-ispejjeż tal-operat mad-dħul tal-operat nett, kien ta’ 57% meta mqabbel mal-50% fl-2013.

Is-self ġdid gross lill-klijenti żdied b’19% għal €710 miljun. Iżda s-self u l-avvanzi netti lill-klijenti ta’ €3,273 miljun kienu fl-istess livell tal-2013. Fl-ambjent ta’ rati baxxi ta’ imgħax żdiedet it-tendenza tal-klijenti, inkluż dawk kummerċjali, li jużaw flus żejda għall-ħlas lura ta’ self qabel iż-żmien. Il-portafoll ta’ self fuq djar, fejn il-bank għandu l-akbar portafoll ta’ self, kompla jirreġistra tkabbir nett pożittiv.

Id-depożiti mill-klijenti żdiedu għal €4,867 miljun, jiġifieri żieda ta’ 8% minkejja kompetizzjoni qawwija kontinwa.

Il-likwidità tal-bank hi waħda b’saħħitha b’advances-to-deposits ratio ta’ 67%, meta mqabbel mat-73% tal-2013.

Għall-approvazzjoni tal-Laqgħa Ġenerali Annwali, il-Bord tal-HSBC irrakkomanda dividend finali gross ta’ 2.6 ċenteżmi għal kull sehem (1.7ċ netti mit-taxxa). Fl-24 ta’ April 2015 dan id-dividend jitħallas lil dawk l-azzjonisti rreġistrati fuq il-ktieb tal-azzjonisti tal-bank fit-23 ta’ Marzu ta’ qabel.

Il-Bord qed jirrakkomanda wkoll ħruġ ta’ bonus ta’ sehem wieħed għal kull disa’ ishma tal-azzjonisti rreġistrati fi tmiem il-ġurnata tax-xogħol fuq il-ktieb tal-ishma tal-Bank fid-29 ta’ April 2015. Dawn l-ishma jistgħu jkunu nnegozjati mit-30 ta’ April 2015. B’riżultat ta’ dan il-ħruġ ta’ bonus ser issir kapitalizzazzjoni ta’ riservi li tammonta għal €11 il-miljun. B’hekk il-kapital azzjonarju se jkun qed jiżdied minn €97 miljun għal €108 miljun.