Belti ta’ 47 sena mar tliet snin ħabs wara li nstab ħati li ta d-droga lil wieħed li spiċċa b’overdose anke jekk dan ma kienx wieħed fatali.
Louis Mallia, magħruf bħala “il-Lalu”, kien tressaq mill-Assistent Kummissarju Stephen Gatt u nstab ħati bil-pussess u t-traffikar tal-eroina.
Mill-provi li nstemgħu quddiem il-Maġistrat Myriam Hayman irriżulta li Mallia ftiehem ma’ Clyde Bonavia u Grezzju Camilleri biex imorru jieħdu d-droga fl-appartament mikri lilu. Bonavia spiċċa b’overdose u ttieħed l-Isptar San Luqa mitluf minn sensih. Fortunatament id-doża ma kinitx fatali u huwa anke xehed fil-kawża.
Il-vittma semma’ kif huwa ltaqa’ mal-akkużat u dan stiednu jieħu l-eroina anke jekk huwa qatt ma kien ħa minnha. Skont ix-xhud kien Mallia li injettah bid-droga u sakemm niżel bilqiegħda biex jaqfel il-lazz intilef minn sensih u sab ruħu l-ITU.
L-Ispettur Brian Zammit xehed dwar informazzjoni li kien irċieva, li kien iddaħħal fis-sala tal-Emerġenza ċertu Karl Bonavia mitluf minn sensih, aktarx konsegwenza ta’ overdose. Dan kien instab ġewwa l-fond 102, Flat 8, Triq San Duminku, il-Belt Valletta.
L-Ufficjal Prosekutur kien infurmat mit-tabib Jonathan Joslin dwar il-punturi ta’ “needle marks” li sab fuq Bonavia. Żied li tul l-investigazzjoni rriżulta li Bonavia kien fil-preżenza ta’ ċertu l-Lalu meta ntilef minn sensih.
Xehed ukoll il-persuna l-oħra li kienet ma’ Mallia u ma’ Bonavia. Camilleri qal li fl-appartament, Mallia injetta lilu nnifsu u hekk għamel il-vittma mbagħad ċemplu għall-ambulanza. Ċaħad li riedu jitfgħu lil Bonavia fil-baħar u sostna li marru l-isptar fejn ħu l-vittma ta daqqa ta’ ponn lill-akkużat.
Min-naħa tiegħu Mallia, fl-istqarrija lill-Pulizija, kien sostna li wara li mat-tnejn l-oħra kielu f’daru, huwa u Camilleri ħarġu u Bonavia baqa’ fl-appartament, imbagħad x’ħin irritornaw raw lill-vittma rieqed mal-art, tħassbu ħażin u ċemplu għall-ambulanza. Ċaħad li ħadu d-droga jew li kien hu li ġab id-droga.
Fil-konklużjonijiet tagħha, il-Maġistrat Hayman qalet li hemm diverġenza bejn dak li qal Mallia u dak li qalu l-vittma u Camilleri. Hija qalet li għalkemm m’hemmx qbil bejn Camilleri u l-vittma fuq min ta l-eroina lil dan tal-aħħar, it-tnejn li huma qablu li kien Mallia li akkwista d-droga anke jekk hu ċaħad.
Inutli li Mallia jinnega li fil-fatt it-tlieta nvoluti ħadu d-droga flimkien għax fil-fatt kien hu li avviċina lil ħu l-vittma u qallu bl-overdose. Ikkonkludiet ukoll li tant kien jaf bl-overdose tal-vittma, u tant fil-fehma tal-Qorti kien parteċipi, illi hu flimkien ma’ Camilleri marru l-isptar jiċċekkjaw fuqu.
Il-Maġistrat Hayman qalet ukoll li l-fatti juru li kien Mallia li ġab id-droga u għamlitha ċara li temmen il-verżjoni ta’ Bonavia, li dan tant ma kienx midħla tal-eroina li meta ngħatatlu kważi kellha effett fatali fuqu.
Kien għalhekk li hija sabet lil Mallia ħati, u minbarra tliet snin ħabs ikkundannatu wkoll iħallas multa ta’ €5,000.
//= $special ?>