Kurżitajiet

Jaqta’ idu biex ma jibqax juża l-internet

Żagħżugħ Ċiniż ta’ 19-il sena uża sikkina tal-kċina u qata’ idu bit-tama li ma jibqax juża l-internet bit-rata li jużaha kuljum.

Wang, li jinsab fit-taqsima ta’ kura intensiva fl-isptar, ħareġ mid-dar biex tal-familja ma jindunawx x’kien se jagħmel u qata’ idu barra billi serraħha fuq bank pubbliku.

It-tobba rnexxielhom jerġgħu jwaħħlu id Wang mal-bqija ta’ ġismu imma għadhom mhux ċerti jekk hux se jirnexxilu jakkwista l-użu tagħha bħal qabel.

Fiċ-Ċina hu stmat li hemm mal-24 miljun żagħżugħ u żagħżugħa li huma addicted għall-internet, waqt li 7.1% tal-popolazzjoni tal-pajjiż hi stmata li tbati bl-istess problema. Minbarra liġijiet marbuta mal-użu tal-internet mit-tfal, iċ-Ċina għandha iktar minn 250 kamp, fuq stil militari, imferrxa madwar il-pajjiż minn fejn tingħata l-kura lil tfal u żgħażagħ taħt l-età.