Din taż-żwiemel fit-toroq qatt ma fhimtha. Ma nistax insib raġuni waħda valida kif fit-toroq tagħna – sia fit-toroq prinċipali u anki f’toroq sekondarji, sia fl-ibliet u anki fil-villaġġi, sia filgħodu kmieni u anki matul il-jum għadna biż-żwiemel misjuqa qalb il-karozzi.
Kuċċier jew sewwieq fuq karettun jew serkin isuq żiemel biċ-ċlikki ċ-ċlikki u serbut ta’ karozzi warajh u aktar ġejjin mid-direzzjoni opposta. Bil-perikli kollha li sitwazzjoni bħal din iġġib magħha. Din hi sitwazzjoni li ripetutament niltaqa’ magħha kmieni filgħodu jien u sejjer lejn ix-xogħol.
Imma donnu f’dan il-pajjiż, għal xi raġuni jew oħra, min suppost jieħu l-briga u jilleġisla biex dawn l-affarijiet ma jsirux, bħal joqgħod lura!
Ili ngħid li post iż-żwiemel mhux fit-toroq. Min għandu żiemel jew debba u jrid joħroġhom għandu jingħata kull fakultà li jmur f’korsi apposta kif hemm il-Marsa u joqgħod isuq iż-żiemel tiegħu hemm. Imma mhux fit-toroq.
Fl-aħħar għaxar snin f’pajjiżna kellna 62 inċident li kienu involvu ż-żwiemel. Dawn kollha fit-toroq Maltin u Għawdxin. Is-sena l-oħra biss kellna medja ta’ inċident serju kull xahar – tnax b’kollox.
Nemmen li wasal iż-żmien li din il-kwistjoni tkun iffaċċjata. Anki mill-istess sidien taż-żwiemel kemm-il darba verament iħobbu l-bhima tagħhom.
Il-karozzini u l-fdalijiet li jħallu warajhom iż-żwiemel fit-toroq
Kwistjoni oħra li għandha tkun indirizzata bis-serjetà hi dik tal-karozzini fit-toroq. Bliet oħra għandhom huma wkoll l-użanza tal-karozzini – fi Vjenna u fi Praga huma ta’ attrazzjoni għat-turisti.
F’Malta l-għadd ta’ karozzini huma ġmielu. Priċipalment servizz lit-turisti fil-Belt Valletta, fil-Belt l-Antika tal-Imdina u fis-sajf anki f’postijiet turistiċi bħall-Imdina.
Lil hinn mill-importanza li jkun assigurat li dawn iż-żwiemel ikunu trattati tajjeb u fl-ebda ħin ma jkun hemm abbuż jew moħqrija, tajjeb li jkun assigurat ukoll li dawn l-istess annimali jkollhom fejn jistkennu sia fix-xita mill-kesħa u x-xita u anki fis-sajf mix-xemx u t-temperatura għolja.
Imma lil hinn minn dan – u m’għandix għalfejn nissuspetta li dawk responsabbli m’humiex jaqdu dmirhom tajjeb biex jassiguraw li dawn l-annimali jkunu trattati tajjeb – naħseb li hemm bżonn li jkun assigurat li l-kuċċier ikun tassew responsabbli meta niġu għall-indafa tat-toroq minfejn jgħaddu dawn il-karozzini.
Xi drabi tinzerta sitwazzjonijiet tassew disgustanti ta’ toroq mimlija bi ħmieġ mill-annimali… xi żiemel mgħobbi bit-turisti li waqt id-dawra tiegħu jagħmel f’nofs tat-triq il-bżonnijiet tiegħu. U l-kuċċier jiġi jaqa’ u jqum u jibqa’ għaddej qisu m’hu xejn!
Dawn l-affarijiet jiġru kulfejn għandna l-karozzini. Toroq imnittna għax kuċċiera ma jnaddfux warajhom. Allura rwejjaħ insapportabbli. Allura ħmieġ li jkompli jinfirex.
Din l-imġieba hi inaċċettabbli. Għandu jkun hemm regoli stretti ħafna biex it-toroq tagħna nassiguraw li jkunu nodfa minn kull ħmieġ u min iħammeġ inaddaf. Jekk hemm bżonn għandhom – jekk mhux diġà jeżistu – jiddaħħlu multi iebsa għax b’hekk biss ċerti nies jedukaw lilhom infushom.
//= $special ?>