Lokali Qorti

Dak li jinsab akkużat bil-qtil tal-Imnieħru, ibnu u xufier tat-taxi jgħid li ġie ffrejmjat

Jason Galea, li jinsab mixli bi tliet omiċidji, dik ta’ Mario Camilleri, l-“Imnieħru” u ibnu, u tax-xufier tat-taxi Matthew Zahra qal fil-Qorti li l-Mario Camilleri l-Imnieħru, implikah bla bżonn fis-serqa fuq ħanut tal-ġojjellerija fil-Belt, li kienet seħħet fl-2010, għaliex kien jogħbod lilu u lill-familja tiegħu. Huwa qal li dan kien “frame-up” fuqu.

Galea ta’ 41 sena minn Birżebbuġa, xehed dan quddiem il-Maġistrat Carol Peralta meta kompliet tinstema’ l-kawża fil-konfront tiegħu, fejn jinsab akkużat li ħa parti fis-serqa li kienet saret fuq il-ħanut ta’ Frank Zampa f’Settembru ta’ ħames snin ilu.

Fix-xhieda tiegħu, Galea qal li dakinhar li seħħ il-każ, ma kienx qiegħed il-Belt. Qal li dakinhar kien qed jaħdem flimkien ma’ ħuħ f’ħanut f’Birżebbuġa. Qal li aktar tard huwa semgħa dwar l-attentat ta’ serqa fuq l-aħbarijiet.

Galea kompla jgħid li hu u martu kienu kiljenti ta’ dan il-ħanut għal żmien twil, u nefqu eluf ta’ Ewro fuq deheb. Tenna li huwa kien arrestat fl-2010, madankollu huwa kien tressaq b’arrest 10 xhur wara. “Jien ma għandi l-ebda idea għaliex arrestawni għaliex jien kont qed naħdem ma’ ħija” qal Galea.

Qal li f’dak il-perjodu partikolari, ix-xogħol tat-tindif kien sejjer sewwa, għal kuntrarju ta’ dak li qed jiġri llum. “Issa n-negozju tiegħi spiċċa affetwat peress li Malta kollha taf bil-każijiet li għandi l-Qorti” qal Galea, filwaqt li hawn hekk saħaq li huwa jaf min kien il-persuna li implikah.

“Ġejt mgħarraf li l-persuna li implikani kien Mario Camilleri. Darba minnhom smajt lil oħti fuq it-telefon tgħajjat mar-raġel taħgha, li dak iż-żmien kien il-Ħabs, biex lili iħallini kwiet. Hija kompliet tgħidlu li jekk jien se mmur il-Ħabs, hija kienet se tieqaf tibgħatlu l-flus” kompla jgħid Galea.

Mistoqsi mill-Maġistrat għaliex Mario Camilleri kien se jimplikah f’reat li huwa ma għamilx, Galea qal li Camilleri għamel hekk għaliex kien jogħbod lilu u lil familja tiegħu.

Ix-xhud saħaq li wieħed minn dawk akkużati fl-istess “hold up”, Michael Zahra, ukoll qal fil-Qorti li hu ma ma kellux x’jaqsam fl-attentat ta’ serqa.

Waqt il-kontro eżami, l-Ispettur Daniel Zammit staqsa lil Galea għaliex ma qalx dawn l-affarijiet meta kien ġie arrestat. Min-naħa tiegħu, ix-xhud wieġeb billi qal li kien ġie mhedded u rikattat fil-passat. Madankollu huwa qatt ma irrapporta dawn l-affarijiet lill-Pulizija għax ried iżomm il-paċi.

F’dan il-ħin Galea insista mal-Ispettur biex jipprova li huwa kien fix-xena tar-reat. Galea saħaq li huwa ġiex jidher fuq il-filmat tas-CCTV tal-ħanut. Xehed ukoll Charles Galea li wkoll insista li huma t-tnejn kienu qed jaħdmu fil-ħanut tagħhom f’Birżebbuġa.

Imwissi mill-Maġsitrat Peralta li huwa qed jixhed fil-ġurament, ix-xhud insista li huwa qed jgħid il-verita. Huwa innega li kellu struzzjonijiet dwar x’għandu jgħid.

Min-naħa l-oħra, Judith, li hija mart Jason Galea, qalet li żewġha u ħuħ qattgħu ġurnata sħiħa fil-ħanut. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Daniel Zammit, fiwlaqt li għall-akkużat qed tidher l-Avukat Veronique Dalli. Il-każ se jkompli jinstema’ nhar l-10 ta’ Ottubru.