Lokali Parlament

Ieqaf mill-gimmicks u iffaċċja r-realtà fl-isptarijiet

Il-Gvern ma jistax iwaħħal fl-iskuża li t-tilqima kontra l-influwenza ma ħadmitx għaliex il-WHO tat l-ewwel twissijiet f’Ġunju tas-sena l-oħra

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg appellat lill-Gvern jieqaf mill-gimmicks u jiffaċċja r-realtà tas-sitwazzjoni xokkanti ta’ pazjenti jinfirxu ma’ kullimkien u saħansitra lil hinn mill-kuriduri tal-Isptar Mater Dei.

Appellat lill-Gvern ma jibqax iwaħħal fl-iskuża li t-tilqima kontra l-influwenza ma ħadmitx għaliex l-ewwel twissijiet mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) saru f’Ġunju tas-sena l-oħra wara li t-tilqima bdiet turi l-ewwel indikazzjonijiet li ma kinitx qed tħalli l-effetti tagħha fl-Awstralja, bil-Gvern f’pajjiżna kellu ż-żmien kollu biex jipprepara għal din l-eventwalità.

Meta tkellmet fil-Parlament, Claudette Buttigieg qalet li l-Oppożizzjoni lesta tagħti l-għajnuna tagħha lill-Gvern biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni preokkupanti fl-isptarijiet.

L-Oppożizzjoni qed tiltaqa’ mal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u dwar il-problemi eżistenti u serji ħafna. Appellat lill-Gvern li jekk mhux se jinvolvi n-nies fis-settur tas-servizzi tas-saħħa, u minflok jirrikorri għat-theddid, se jkollna problemi akbar.

Claudette Buttigieg semmiet li hu xokkanti li l-manifest elettorali tal-Partit Laburista llum fil-Gvern, jgħid li jkun implimentat pjan ta’ azzjoni meta ebda pjan ta’ azzjoni me jeżisti, u jekk kien jeżisti u dan hu r-riżultat tiegħu, ifisser li ma kien pjan ta’ azzjoni xejn.

Fissret li dan il-Gvern ilu jiggverna sentejn u kellhom jibqgħu jinħolqu 200 sodda fis-sena li jilqgħu għad-domanda ta’ żieda ta’ pazjenti fix-xhur tax-xitwa. Iżda fissret li llum għandna mas-700 pazjent li m’għandhomx sodda fejn jingħataw il-kura, bil-Gvern iġib l-iskuża tat-tilqima tal-influwenza li ma ħadmitx.

Claudette Buttigieg fissret li l-WHO bdiet toħroġ avviżi dwar dan hekk kif bdew jirriżultaw l-ewwel indikazzjonijiet meta din kienet diġà ngħatat fl-Awstralja u t-tilqima kienet għaddejja mill-effetti li tħali warajha fl-eqqel tal-istaġun fejn ikun hemm l-aktar mard.

Filwaqt li fissret li kien hemm persuni li t-tilqima ħadmet fuqhom, saħqet li l-Gvern kien fid-dmir jipprepara għal kull eventwalità meta f’Ġunju diġà kellu l-ewwel twissijiet u avviżi mill-WHO.

Saħqet li l-Gvern kien fid-dmir li jmexxi kampanja edukattivi u informattiva fil-media dwar dan, u li javżaw li jekk persuna tħossha ma tiflaħx ma jmorrux għax-xogħol; u t-tfal ma jmorrux l-iskola jekk ma jifilħux. Semmiet kif fl-Istati Uniti saret kampanja estensiva favur iġjene f’każ ta’ mard ta’ influwenza.

Quddiem id-dikjarazzjoni fil-media li għamel is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa li daħlu 700 pazjent aktar għax it-tilqima ma ħadmitx, ix-Shadow Minister staqsiet xi pjan u xi prekawzjonijiet saru f’Mater Dei.

Fissret li minflok prekawzjoni, din ix-xitwa qed nesperjenzaw sitwazzjoni kerha ta’ pazjenti kullimkien u mhux fil-kuriduri biss. “Għandna pazjenti fil-play area tal-pediatric day care. Tal-mistħija. Pazjenti anzjani fil-play area tal-pediatric day care,” sostniet Claudette Buttigieg.

Semmiet ukoll kif il-kuriduri qed ikunu ppakkjati bil-pazjenti, inkluż dak li jagħti għall-emerġenza tat-tfal.
Semmiet kif nhar l-Erbgħa tal-ġimgħa l-oħra, is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater De kienet xokkanti bil-volum ta’ nies kullimkien b’pazjenti bil-basktijiet f’ħoġorhom u nisa, irġiel u żgħażagħ ħdejn xulxin.

Dwar in-numru kbir ta’ pazjenti anzjani li jirrikorru għall-kura fl-isptarijiet f’dan iż-żmien tas-sena minħabba l-mard, Claudette Buttigieg appellat biex nieqfu nirreferu għalihom bħala bed bloggers għaliex dan ma jirrispettax id-dinjità tal-pazjent.

Irrifferiet għal survey online li kklassifika lil Malta t-tieni fl-Ewropa għall-aqwa servizz, u semmiet li kienu biss 11-il individwi minn Malta li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ, bl-istess websajt tħeġġeġ biex aktar Maltin jipparteċipaw biex tinkiseb id-data. Esprimiet it-tħassib tagħha dwar kemm dan l-istħarriġ hu wieħed xjentifiku.

Ikkritikat ukoll lill-Gvern li wettaq xogħol ta’ ristrutturar fl-isptarijiet fl-aktar perjodu fejn ikun hemm bżonn l-aktar swali bil-konsegwenza li swali f’San Vincenz u Karen Grech kellhom jngħalqu u ma jilqgħux fihom pazjenti meta l-istess sptarijeit kellhom bżonn aktar sodod għall-pazjenti.

Semmiet li f’Mater Dei, tqiegħdu pazjenti anke fi klassijiet li jintużaw mill-istudenti tal-mediċina u sostniet li sodda oħra fi sptar ma tfissirx biss sodda lill-pazjenti iżda s-servizzi kollha. Mhux aċċettabbl sitwazzjoni fejn l-ossiġnu jkollu jinġarr lejn is-sodda tal-pazjent.

Irrimarkat ukoll li saħħet ċertu pazjenti marret lura għaliex ma kienx hemm faċilitajiet madwar il-pazjent, filwaqt li sostniet li hu żball li nwaħħlu fil-ħaddiema li jaħdmu mal-pazjenti kawża tan-nuqqasijiet li hemm tort ta’ nuqqas ta’ ippjanar u viżjoni għas-settur tas-saħħa.