Internazzjonali

Il-Gvern Libjan ta’ Tobruk ixolji mit-taħditiet

 Il-Parlament Libjan li jgawdi r-rikonoxximent internazzjonali u li għandu s-sede f’Tobruk issospenda l-parteċipazzjoni tiegħu fit-taħditiet sponsorjati min-Nazzjonijiet Uniti bl-impenn li  l-Libja ma tegħriqx fil-kaos.

Kelliem għall-Kamra tar-Rappreżentanti f’Tobruk qal li d-deċiżjoni hi dovuta għall-attakki suwiċida li wettqu, nhar il-Ġimgħa, it-terroristi tal-grupp ISIS fl-inħawi ta’ Al-Qubbah u fejn spiċċaw maqtula ‘l fuq minn 40 persuna.

L-istess kelliem qal ukoll li l-Gvern Libjan rivali fi Tripli li għandu l-appoġġ tal-gruppi Iżlamiċi ma ħariġx jikkundanna l-istraġi ta’ Qubbah.

In-Nazzjonijiet Uniti kienet stiednet lir-rappreżentanti tal-Gvernijiet Libjani għal taħditiet li kellhom isiru fil-Marokk nhar il-Ħamis. Iżda l-aġenzija tal-aħbarijiet Lana u l-paġna tal-Facebook tal-Parlament f’Tobruk ikkonfermaw, aktar tard, li l-laqgħa ma kenitx se ssir bħalma previst.