Lokali Parlament

Il-GWU ilha tliet ġimgħat fil-pussess ta’ lista tal-postijiet vakanti mal-Gvern

Kuntatti bejn il-GWU u l-Enemalta biex ħaddiema jingħataw xogħol mal-Gvern

Il-Ministru Konrad Mizzi kkonferma fil-Parlament li ħaddiema tal-Enemalta kienu f’kuntatti mal-management tal-Enemalta u mal-General Workers’ Union (GWU) biex jiċċaqilqu mill-Enemalta u jingħataw impjieg alternattiv mal-gvern.

Lista tal-postijiet vakanti mal-Gvern ilha għand il-GWU tliet ġimgħat, filwaqt li l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) illum ingħatat risposta li se jkollha hi wkoll din il-lista – tliet ġimgħat wara l-GWU.

Ix-Shadow Minister Marthese Portelli nsistiet mal-Ministru Konrad Mizzi waqt il-ħin tal-mistoqsijiet, biex jispjega l-mod kif qed jintgħażlu l-ħaddiema tal-Enemalta biex jingħataw impjieg mal-Gvern u ma jibqgħux impjegati aktar mal-Enemalta.

Il-Korporazzjoni Enemalta għaddejja minn proċess li tnaqqas il-ħaddiema f’diversi sezzjonijiet li wkoll ingħalqu wara li daħlet fit-tmexxija l-kumpanija tal-istat Ċiniż li fl-aħħar xhur xtrat parti mill-Korporazzjoni Enemalta.

Il-Ministru Konrad Mizzi kkonferma li l-Enemalta u l-GWU kienu f’kuntatt biex dawk il-ħaddiema li xtaqu jiċċaqilqu lejn postijiet oħrajn ta’ xogħol mal-Gvern, isiru l-arranġamenti meħtieġa skont ix-xewqat tagħhom.

Mitlub jispjega mix-Shadow Minister għall-Enerġija, Ambjent u Trasport, għalfejn il-lista bil-postijiet vakanti ngħatat biss lill-GWU u ma kinitx aċċessibbli għall-UĦM, il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-GWU hi l-union li kienet qed tirrappreżenta l-ħaddiema involuti u żied jirrepeti li kienu l-ħaddiema li kienu qed jitolbu biex jiċċaqilqu għal ċertu postijiet mal-Gvern.

Mitlub mix-Shadow Minister Marthese Portelli jispjega ċar għaliex il-GWU ilha fil-pussess ta’ din il-lista aktar minn tliet ġimgħat, u għaliex il-UĦM mhix fil-pussess tal-istess lista, il-Ministu Konrad Mizzi qal li f’laqgħa li saret illum mal-UĦM kien hemm qbil li l-lista tgħaddi wkoll lill-UĦM – tliet ġimgħat wara l-GWU.