Kumpaniji u ditti li tniżżlu mid-DJ Joel Caruana f’poster ta’ party li qed jorganizza, ċaħdu li huma qatt tkellmu miegħu jew offrew li jkunu sponsors ta’ dan il-party.
L-istqarrija saret wara li s-sit maltarightnow.com irraporta kif il-party GirlsInvasion qed ikun irriklamat bħala attivita’ ntiża biex tressaq lejn Paceville aktar tfajliet biex jimlewlek il-weekend tiegħek.
Fuq Facebook, il-party ‘Girls Invation; jiġi deskritt hekk: “Innutajna li Paceville għandu bżonn iktar tfajliet biex jimlewlek il-weekend. Għalhekk iddeċidejna li niehdu din il-ħaġa f’idejna u nissuplixxu kemm jista’ jkun tfajliet.”
Din id-deskrizzjoni qajmet tħassib iktar u iktar fid-dawl li lura fl-2010, Joel Caruana ngħata sentenza sospiża mill-Qorti wara li nstab li kellu x’jaqsam sesswalment ma’ tifla ta’ 13-il sena.
It-tieni sentenza, li wkoll kienet ġiet sospiża, ingħatat fl-2013 wara li kien deher f’ritratt jaqbad sider tfajla taħt l-eta’. Hu kien ammetta wkoll li kellu x’jaqsam ma’ din it-tfajla taħt l-eta’ u li kien offenda l-morali pubbliċi.
Imma malli ħarġet din l-istorja, id-DJ innifsu fuq Facebook kiteb li din l-istorja hi antika b’ħames snin. Madankollu l-event li ħoloq l-istess DJ turi b’mod ċar li GirlsInvasion se jkollu l-Grand Opening tiegħu nhar is-Sibt li ġej; it-28 ta’ Frar 2015.
L-istess DJ għamel share tal-paġna tal-attivita’ fuq il-profil tiegħu, u saħansitra ppublika filmat ta’ dak li se jseħħ nhar is-Sibt li ġej.
Id-DJ ikkritika wkoll lil dawk li akkużawh li fil-poster tal-party hu mdawwar minn tfal taħt l-eta’. Qal li dawn it-tfajliet kollha aċċettaw li jidhru, tant li għamlu Likes u kummenti fuq il-paġna tal-event stess.
Imma anke’ hawn, jekk wieħed iħares lejn il-kummenti li qed jirreferi għalihom Joel, dawn it-tfajliet ikkummentaw fl-aħħar jiem, u mhux ħames snin ilu.
Biss biss, jekk dawn it-tfajliet tpoġġew fuq il-poster ħames snin ilu, uħud minnhom kellhom madwar tnax-il sena fl-2010, ferm bogħod mill-eta’ permessa biex żgħażagħ jidħlu fi stabbilimenti tad-divertiment.
//= $special ?>