Ambjent Lokali

Il-MEPA tirrifjuta applikazzjoni ta’ sanzjoni fil-farmhouse ta’ Helena Dalli

B’mod unanimu, l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) irrifjutat applikazzjoni biex tissanzjona l-illegalitajiet li l-kumpanija tal-Ministru Helena Dalli u r-raġel tagħha għamlu f’farmhouse fiż-Żejtun.

Id-deċiżjoni ttieħdet waqt laqgħa li l-Bord tal-Environment and Planning Commission fi ħdan il-MEPA kellu dalgħodu, bil-membri jaslu għal din id-deċiżjoni mingħajr dibattitu. Dan minkejja li l-Uffiċjal inkarigat mill-każ, għal xi raġuni, iddeċieda li jbiddel ir-rakkomandazzjoni tiegħu għal favur li jinħareġ il-permess.

Dan jikkonferma l-argumenti tal-Oppożizzjoni li l-Ministru Helena Dalli u r-raġel tagħha kisru l-Liġi meta numru ta’ ħaddiema tal-kumpanija tagħhom bdew iwettqu xogħol bla permess f’żona fejn fiha ma jistax isir żvilupp.

Dan wassal biex fuq is-sit inħarġet Enforcement Notice. Id-deċiżjoni li ttieħdet illum kienet ilha tiġi posposta għal xhur sħaħ, tant li s-smigħ ġie pospost tliet darbiet.