Kurżitajiet

Il-protagonisti ta’ X-Files fil-qrib mill-ġdid flimkien

Il-protagonisti tas-serje televiżiva X-Files, li kellha suċċess kbir bejn l-1993 u l-2002, mistennija jerġgħu jiltaqgħu fil-qrib hekk kif l-attur David Duchovny, li kien jaħdem il-parti ta’ Mulder, qal li l-protagonisti se jerġgħu jitlaqqgħu ferm fil-qrib.

Kienu ilhom għaddejjin l-ispekulazzjonijiet dwar dehriet flimkien mill-ġdid għal Duchovny u għall-attriċi Gillian Anderson, iżda issa Duchovny ikkonferma. Qal li għalih se tkun qisu “greatest-hits tour” jew kunċert tal-isbaħ siltiet ta’ kantant jew grupp mużikali. Duchovny tenna kliem il-produtturi Fox li x-xahar li għadda qalu li kienu qed jittamaw ħafna li ż-żewġ protagonisti jerġgħu jirritornaw fuq l-iskrins.

Duchovny qal li hu u Anderson m’għandhomx l-enerġija għal sensiela televiżiva sħiħa imma jixtieq li jirritorna fiż-żarbun ta’ Mulder għal ftit żmien.

Bħalissa, qed jaħdem fuq it-tieni ktieb tiegħu imma għadu kemm temm l-impenn ta’ spettaklu ġdid ma’ NBC, bl-isem Aquarius. Anderson għadha kemm temmet it-tieni staġun tas-serje televiżiva tal-BBC The Fall waqt li ħadmet ukoll fuq il-palk ta’ West End.