Każ dwar allegat aktar minn 18-il tunnellata ta’ sigaretti mill-kutrabandu
Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, fil-ġurisdizzjoni tagħha bħala Qorti Kostituzzjonali ordnat l-estradizzjoni tas-“self-employed” Philip Mifsud ta’ 60 sena u li huwa minn Ħaż-Żebbuġ fuq każ ta’ kutrabandu ta’ sigaretti. L-Awtoritajiet Taljani kienu ħarġu l-mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu fl-10 ta’ Diċembru tas-sena 2013, u minn dak inhar ’l hawn Mifsud baqa’ jikkontesta din id-deċiżjoni fuq diversi binarji.
Madankollu Mifsud se jibqa’ Malta minħabba li l-każ tiegħu dwar estradizzjoni jrid jiġi deċiż minn Qorti oħra. Dan peress li huwa qed jikkontesta’ l-fatt, li l-liġi dwar l-estradizzjoni kienet inbidlet wara li hu u l-Maltin l-oħra involuti fil-każ kienu appellaw b’suċċess, f’sentenza mogħtija mill-Imħallef Tonio Mizzi. Issa l-każ dwar il-konteszzjoni fuq il-bdil tal-liġi għandu jinstema’ mill-Imħallef J.R. Micallef.
It-talba għall-estradizzjoni kienet saret ukoll fuq Francis Galea u Michael Spiteri, u li dawn kienu estraditi fuq ordni tal-Qorti, iżda kienu appellaw fuq il-fatt li huma qatt ma kienu formalment akkużati fuq il-każ, imma nvestigati u għaldaqstant kienu ntbagħtu lura Malta.
Dan kien inkonnessjoni ma’ nvestigazzjoni ta’ kutrabandu ta’ aktar minn 18-il tunnellata (18,250) kilo ta’ sigaretti fil-belt ta’ Genova. Fost it-talbiet li kien għamel Mifsud kienet li huwa għandu kundizzjoni mentali li ġiet spjegata mill-Psikjatra kuranti tiegħu Joseph Spiteri. Dan il-Psikjatra spjega, li minħabba l-marda tiegħu, ġieli jkun suwicidali. Spjega wkoll li l-konsenja tiegħu lejn l-Italja tista’ twassal għal periklu fuq saħħtu.
Il-Qorti qalet li diġa kien indirizzat dan l-istat ta’ fatt b’rakkomandazzjoni lill-Awtoritajiet tal-Faċilita` Korrettiva ta’ Kordin u lill-Awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta’ l-Italja sabiex jipprovdu f’kull hin dik l-assistenza u għajnuna medika u farmaċewtika kollha meħtiega lil Mifsud sabiex il-kundizzjonijiet kollha tas-saħħa tieghu kemm jista’ jkun ma jiġux preġudikati.
Mifsud ilmenta li jekk jintbagħat l-Italja, fil-proċess kriminali ser jintużaw kontrih interċettazzjonijiet telefoniċi li saru mingħajr l-ordnijiet necessarji. Huwa jsostni li dan hu ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea.
F’dan ir-rigward il-Qorti qalet li l- provi b’riferenza għal dan l-ilment ma tressqux, bhal fhiex jikkonsistu l-interċettazzjonijiet telefoniċi, min għamilhom u fuq ordni ta’ min saru. Lanqas mhuwa magħruf xi provi ser jitressqu fil-proċeduri kriminali li se jittieħdu kontra Mifsud, fejn ilment ta’ din ix-xorta għandu jsir fil-proċess kriminali fl-Italja. Huwa se jkun assistit minn avukat u ser ikollu opportunita’ li jressaq id-difiża tiegħu, fosthom fuq l-ammissibilta’ ta’ provi tal-prosekuzzjoni.
Il-Qorti qalet li l-proċess kriminali se jkun regolat mil-liġi Taljana. Ghalhekk hi l-Qorti Taljana li trid tiddeciedi dwar l-ammissibilita’ ta’ provi li jiġu prodotti waqt is-smiegh tal-provi. M’hemm xejn milli jżomm lil Mifsud li jressaq dan l-ilment quddiem qorti fl-Italja. “Mhuwiex il-kompitu ta’ din il-qorti li tistħarreġ allegat ksur ta’ drittijiet fundamentali għal dak li jikkonċerna xi provi li jistghu jintużaw fil-proċess kriminali fl-Italja. Dan apparti li l-Istat Taljan m’huwiex parti għall-każ li qiegħed jiġi deciz issa’, qal l-Imħallef Anthony Ellul li sema’ l-każ.
Dwar l-awtentiċita’ tal-mandat ta’ arrest, il-Qorti qalet li hi tosserva wkoll li mill-atti tal-process kriminali jirriżulta li kopja tal-mandat ta’ arrest intbaghat mill-Ministeru tal-Ġustizzja Taljana fejn saħansitra ntbagħatet ukoll notifika tal-konklużjoni tal-Investigazzjoni Preliminari maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Qorti ta’ Genoa, datat 15 ta’ Jannar 2014 fejn jissemma Mifsud u jingħad x’inhuma l-akkużi kontra tiegħu. Għal Mifsud deheru l-Avukati Joseph Giglio u Stephen Tonna Lowell.
//= $special ?>