Il-ġuri dwar omiċidju differit “sine-die” fuq talba tal-Avukat Ġenerali
Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Michael Mallia ċaħdet it-talba tad-difiża ta’ Piero Di Bartolo li nhar it-Tnejn li għadda kellu jgħaddi ġuri dwar omiċidju li kien seħħ fl-2005, fejn il-katavru tal-vittma baqa’ ma nstabx, biex il-ġuri jsir mill-aktar fis possibbli minħabba li diġa kien hemm dewmien esaġerat.
L-Avukat Roberto Montalto kien ippreżenta rikors biex il-ġuri jsir. Dan kellu jinstema quddiem l-istess Imħallef Michael Mallia li huwa ddiferixxa “sine-die” wara talba tal-Avukat Ġenerali. Dan biex l-akkużat u l-kompliċi jgħaddu ġuri flimkien u mhux b’mod separat.
Id-difiża issa se tippreżenta kawża Kostituzzjonali fuq dan il-każ fejn l-Avukat Roberto Montalto se jagħmel it-talba biex dan isir malajr kemm jista’ jkun wara li qed jgħid li l-klijent tiegħu qed iħossu aggravat mid-deċiżjoni li l-ġuri ġie differit “sine-die” u dan peress li skont hu t-talba tal-Avukat Ġenerali ma kienet tagħmel l-ebda sens loġistikament u dan għaliex minħabba li t-talba kienet milqugħa, wara 10 snin ta’ stennija, issa ġie differit mingħajr data.
Id-difiża qed tgħid lanqas ma jagħmel loġistikament sens li l-Avukat Ġenerali jitħalla jirredikola proċeduri hekk serji fejn l-akkużat ilu 10 snin bil-piena ta’ għomor il-ħabs imdendla fuq rasu, kif ukoll proċeduri bħal ma hemm fil-Qorti Kostituzzjonali, billi l-istess A.Ġ. ġurnata jitlob ħaġa u ġurnata jitlob oħra.
Id-difiża qed tgħid ukoll li issa wara madwar seba’ snin induna li forsi straġikament u mhux loġistikament ikun aħjar għall-każ tal-Prosekuzzjoni, iżda dan żgur mhux fl-aħjar interess tar-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja kif qed jipprovi jagħti l-imopressjoni.
L-Avukat Montalto qal li l-klijent tiegħu diġa sofra u għadu qed isofri minn leżjoni tad-dritt tiegħu għal smiegħ xieraq fi żmien raġonevoli. Qal li ma jistax ma jagħmilx emfasi fuq l-atteġġjament tal-A.Ġ. li għamel sitt snin jiġġieled quddiem il-Qorti Kostituzzjonali sabiex isostni l-pożizzjoni tiegħu, dik li jkun hemm is-separazzjoni tal-ġudizzju. Issa ma jistax jifhem kif dan biddel ir-rotta u għamel kuntrumbajsa totali u fenominali.
Il-ġuri li kellu jibda nhar it-Tnejn, 23 ta’ Frar, fejn Piero Di Bartolo ta’ 40 sena, Sqalli li jgħix Malta kellu jkun akkużat bil-kompliċita fil-qtil ta’ Albert Brian Rosso minn Marsaxlokk fl-10 ta’ Ottubru tal-2005.
L-Imħallef Mallia kien laqa’ t-talba li saret l-Avukat Ġenerali li l-ġuri isir konġunt, jiġifieri jgħaddu ġuri flimkien, Piero di Bartolo u Anthony Bugeja, dan ta’ l-aħħar mixli bl-omiċidju ta’ Rosso.
Fil-ġuri Di Bartolo kellu jiġi mixli bi tliet Kapi ta’ Akkuża. Kompliċita’ tal-qtil ta’ Rosso, li ħeba l-kadavru tiegħu u li kellu fil-pusses tiegħu arma tan-nar waqt li seħħ l-omiċidju.
Il-każ skont l-akkużi maħruġin mill-Avukat Ġenerali seħħ meta fl-10 ta’ Ottubru tas-sena 2005 u f’xi ħin filgħodu Anthony Bugeja ċempel lil Albert Brian Rosso biex jmur ħdejn d-dar tieghu Marsaxlokk, fejn kien hemm ukoll Piero Di Bartolo, biex jiddiskutu xi problemi li kellhom dwar in-negozju li kellhom dwar l-iskuna tas-sajd Desiree li kienet porprjeta’ ta’ Rosso u Bugeja, u li fuqha kien jaħdem Di Bartolo.
Id-diskussjoni marret ħażin u f’mument minnhom Bugeja u Piero Di Bartolo iddeċidew li jsolvu l-problema billi joqtlu lil Albert Brian Rosso. Anthony Bugeja mar ġab arma tan-nar u spara diversi tiri lejn Rosso bil-ħsieb li joqtlu jew li jqiegħedlu ħajtu f’periklu ċar, u dan fil-preżenza u bi ftehim ma’ Piero Di Bartolo. Albert Brian Rosso miet., u għalhekk b’għemilhom Bugeja u Piero Di Bartolo saru ħatja t’omiċidju volontarju.
L-akkuża tgħid ukoll li huma kienu daħħlu l-katavru fi xkora u ħaduh ħdejn luzzu li fuqu għabbew xi knatan li rabtu mal-katavru u ħarġu il-barra fuq il-baħar ħdejn il-Freeport, f” Marsaxlokk, fejn irmew il-ġisem mejjet ta’ Albert Brian Rosso u dan bl-intenzjoni li jaħbu id-delitt ta’ omiċidju. Il-Prosekuzzjoni fil-konfront ta’ Piero Di Bartolo qed titmexxa mill-Avukat Philip Galea Farrugia. Kemm Di Bartolo kif ukoll Bugeja qegħdin iwieġbu mhumiex ħatja li kellhom x’jaqsmu mal-każ.
//= $special ?>