L-Awditur Ġenerali t-Tlieta filgħaxija ppubblika rapport li jċanfar bi kbir lill-Gvern ta’ Joseph Muscat b’rabta mal-iskandlu tal-Cafe Premier. Ir-rapport li kien ippreżentat it-Tlieta fil-Parlament iħammar wiċċ il-Gvern b’tali mod li jqajjem bosta dubji dwar il-mod kif il-Gvern akkwista lura l-Cafe Premier għas-somma ta’ 4 miljun u 200,000 ewro.
Il-każ beda eżatt wara l-Elezzjoni Ġenerali wara li wieħed mid-diretturi ta’ Cities Entertainment – il-kumpanija proprjetarja ta’ Cafe Premier – bagħat ittra lill-Prim Ministru ftit jiem biss wara l-elezzjoni. Minn hemm beda proċess fejn il-Gvern ħareġ total ta’ 4.2 miljun ewro biex akkwista lura din il-proprjetà.
L-aktar punti prinċipali li joħorġu minn dan ir-rapport huwa li l-Awditur Ġenerali qal li dan l-akkiwst juri t-tmexxija dgħajfa tal-Gvern, nuqqas ta’ trasparenza mill-Gvern ta’ Muscat, u li tħallsu commissions minn flus il-poplu li qatt ma kellhom jitħallsu.
Joħroġ ukoll li sena wara li l-Gvern akkwista din il-proprjetà, il-Gvern ħalla l-Cafe Premier mitluq – konferma li l-interess tal-Gvern mhux veru kien li jkun hemm aċċess aħjar għal-librerija.
Jirriżulta wkoll li Muscat kien involut direttament fin-negozjati dwar dan l-iskandlu.
Intant fuq Twitter (hawn taħt), il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil qal li dan ir-rapport juri tmexxija dgħajfa, nuqqas ta’ trasparenza u kummissjoni mhux ġustifikata ta’ €210, 000. Il-Kap tal-Oppożizzjoni fuq Twitter fakkar ukoll li l-ministru responsabbli għal dan l-iskandlu mhu ħadd għajr il-Prim Ministru Joseph Muscat.