L-Istati Uniti hi inkwetata li estremisti Iżlamiċi jivvjaġġaw bl-użu ta’ passaporti ta’ pajjiżi tal-UE u għalhekk qed tikkunsidra li ddaħħal restrizzjonijiet fuq il-programm tagħha Visa Waiver.
Din il-biża’ żdiedet wara sensiela ta’ atti terroristiċi fil-Belġju, fid-Danimarka u fi Franza u t-tħassib li hemm mal-5,000 ċittadin ta’ pajjiżi Ewropej fost il-ġellieda barranin li ngħaqdu mal-Istat Iżlamiku fl-Iraq u fis-Sirja.
Skont senatur tal-Partit Demokratiku, Dianne Feinstein, l-ivvjaġġar mingħajr viża hu l-ikbar dgħufija għall-Istati Uniti. Feinstein qed tipprepara liġi biex fil-fatt toħloq iktar restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar lejn l-Istati Uniti.
Il-programm tal-Istati Uniti dwar it-tneħħija ta’ viża kien tnieda fl-1986 u sal-lum jinkludi 38 pajjiż, inkluż 23 stat tal-UE fosthom Malta. Dawk eliġibbli jimlew kwestjonarju fuq l-internet dwar il-vjaġġ tagħhom lejn l-Istati Uniti imma m’għandhomx għalfejn jattendu għal intervista fl-ambaxxata waqt li tnaqqset ħafna l-burokrazija. Hemm ħames pajjiżi biss tal-UE li tħallew barra: il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Polonja u r-Rumanija.
Anke d-Dipartiment tas-Sigurtà hu nkwetat dwar ir-riskji li qed tiffaċċja l-Istati Uniti permezz ta’ dan il-programm waqt li kelliem għalih wera t-tħassib tiegħu dwar kif mart terrorista Franċiż, f’Jannar li għadda, irnexxielha taħrab minn Franza wara l-attakki ‘Charlie Hebdo’ billi vvjaġġat lejn Spanja imbagħad lejn is-Sirja mingħajr ostakli.
Id-Dipartiment tas-Sigurtà jrid lill-Ewropa ssaħħaħ is-sistemi tagħha ta’ sigurtà billi timponi sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ rekords ta’ ismijiet ta’ passiġġieri u billi żżid iktar tiftix u kontroll tal-passaporti minkejja ż-żona Schengen.
//= $special ?>