Il-Gvern mhux jitkellem dwar it-taxxi li qed idaħħal iżda jrid biss li japprovahom mill-Parlament
L-Oppożizzjoni qed tinsisti mal-Gvern li jitwaqqaf working group mill-korpi kostitwiti u mis-soċjetà ċivili biex jiflu l-piżijiet li l-Gvern qed jintroduċi b’aktar minn 400 żieda f’miżati u f’taxxi oħra.
Il-working group għandu jassigura li jsir studju dwar l-impatt soċjali fuq it-tariffi u dak li jiddaħħal, isir bi qbil u mhux b’impożizzjoni u mingħajr konsultazzjoni.
Id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech għamel dan l-appell lill-Gvern fil-Parlament waqt id-dibattitu dwar Abbozz ta’ Liġi li qed idaħħal u jżid numru sostanzjali ta’ taxxi iżda li l-Gvern fid-dibattitu mhux qed jitkellem dwarhom. Ikkritika lill-Gvern li mhu qed isemmi xejn dwar x’qed tagħmel din il-liġi, iżda jrid biss li tiġi approvata.
Fakkar li l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni kien dejjem jitlob għall-impatt soċjali fuq kull żieda li kienet issir fuq taxxa jew miżata, iżda llum mhux qed jinteressah aktar u jrid inessi l-miżati, iż-żidiet fit-taxxi u l-piżijiet li qed ipoġġi fuq il-poplu Malti.
Il-Gvern qal biss li qed iżid il-ħlasijiet fil-miżati fis-servizzi tal-Gvern b’10% u staqsa kemm familji gawdew żieda ta’ 10% għal kull ewro li jaqalgħu għaliex kull ma ta l-Gvern fil-Baġit, kien ta’ 58ċ biss fil-ġimgħa.
Staqsa x’inhi d-differenza għal dawk li jagħlqilhom il-passaport fix-xhur tas-sajf fejn it-tariffa żdiedet għal €100 minn €70, u staqsa x’loġika hemm wara din iż-żieda ta’ miżata.
Ikkritika wkoll lill-Gvern li filwaqt li pprova jagħti l-baġit libsa sabiħa, ippreżenta Baġit li lill-familja ta ftit u ħadilha ħafna b’dawn il-miżati li qed jidħlu fis-seħħ b’mod ukoll diżorganizzat kif qed jiġri fil-Qrati fejn sar ukoll protest mill-avukati.
Tonio Fenech qal li l-Gvern kellu juża dan il-mument biex inaqqas l-ispiża tal-Gvern. Jekk kellu jirrevedi dawn il-miżati, kellu jagħmel distinzjoni biex il-miżata tkun irħas jekk is-servizz jintalab minn fuq l-internet.
Appella lill-Gvern jagħraf ukoll inaqqas in-nefqa tal-Gvern u jevita li jkompli jżid ħaddiema mal-Gvern kif għamel fl-aħħar sentejn, b’4,000 ħaddiema aktar fiċ-ċivil.
Tkellem ukoll dwar it-tibdil li wettaq il-Gvern fit-taxxa dwar il-proprjetà u li għal dan hemm kor ta’ vuċijiet kontra din it-taxxa. Spjega li l-Gvern mhux naqqas it-taxxa fuq il-proprjetà, iżda naqqas lil min kien jiflaħ iħallas it-taxxa u żieda fuq min ma jistax iħallas.
Fisser kif it-taxxa fuq il-proprjetà kienet fuq għażla – jew ta’ 12% fuq il-valur kollu tal-proprjetà li tkun qed tinbiegħ, jew taxxa ta’ 35% fuq il-parti tal-qligħ. Dan f’ħafna drabi kien ifisser għażla skont kif jaqbel lil kull individwu.
Tonio Fenech qal li din l-għażla issa tneħħiet u jista’ jagħti lok ukoll li ma tkunx qed taqla’ minn fuq bejgħ ta’ propejtà għal diversi raġunijiet, u tkun qed tħallas taxxa li għaliha ma tkun qlajt xejn. Għal dawn in-nies il-Gvern għolla t-taxxa u dawn mhumiex ftit.
Ikkritika lill-Gvern li sema’ vuċi waħda biss – dik tal-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) li qed jitkellem waħdu favuriha.
Appella lill-Gvern jirrevedi din id-deċiżjoni u jerġa’ idaħħal l-għażla. Il-Gvern, qal Tonio Fenech, kieku ried iraħħas it-taxxa kien iraħħas ir-rati u mhux ineħħi l-għażla.
Tkellem ukoll dwar iż-żidiet fit-tariffi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u nnota li l-Gvern, bil-miżuri li ħa li jżid il-miżati, se jkun qed jiġbor nofs miljun aktar mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u jonfoq €1.2 miljun f’pagi aktar fil-qasam tal-affarijiet barranin.
Semma numru rekord ta’ ambaxxaturi appuntati minn barra l-karriera diplomatika ta’ pajjiżna, u qal li f’każi bħal dawn, il-pajjiż ikun qed iħares lejn valur akbar minn dawn l-ambaxxaturi.
Talab lill-Gvern jagħti rendkont tal-investiment u tar-riżultati konkreti li qed jinġiebu lejn pajjiżna.
//= $special ?>