Numru ta’ Taljani intervistati qalu li għalkemm huma konxji mit-theddid tal-grupp ISIS kontra pajjiżhom, m’humiex jippermettu li s-sitwazzjoni taffettwa ħajjithom.
Fil-fatt, kumment tipiku waqt l-istħarriġ popolari (fl-Italja) kien li ‘l-ħajja qasira wisq biex tgħaddiha taħt sħaba tal-biża’ kontinwa’.
Il-Gvern ta’ Ruma, bħalissa, qed isegwi stat ta’ alert għoli wara li l-Italja spiċċat mira ta’ theddid mill-ISIS; bl-uffiċjali lokali jinkwetaw li l-estremisti jistgħu ‘jinfiltraw’ pajjiżhom mar-refuġjati li qed jaslu bid-dgħajjes mill-Afrika ta’ Fuq.
Iżda waqt li t-theddid mill-ISIS kontra l-Italja u l-Vatikan jitqiesu bħala ‘gwerra psikoloġika’ li tista’ tħalli l-effett mixtieq mit-terroristi, ħafna Taljani donnhom qed jippikaw ma’ xulxin, fuq ‘Twitter’, biex joħorġu bl-aħjar ċajta jew kumment dwar il-grupp terroristiku.
Il-mewġa ta’ umoriżmu kompliet irrispettivament mill-messaġġi tal-ISIS biex l-Italja ma tinvolvix ruħha fil-gwerra kontra l-grupp ‘jekk ma tridx li l-(Baħar) Mediterran jiġri bid-demm tat-Taljani’.
Fil-fatt, numru ta’ Taljani fuq il-media soċjali wieġbu għat-theddida tal-ISIS li ‘jaslu fil-qalba ta’ Ruma’ b’suġġerimenti dwar l-‘aqwa ristoranti li jistġħu jinteressaw lil dawn it-turisti speċjali’.
Oħrajn sostnew li ‘t-traffiku oppressiv fl-Italja għandu jkun fatali għall-ISIS’. Uħud, fl-istess ħin, iċċirkolaw ir-ritratti (online) tas-sriebet twal tal-karozzi fl-ibliet Taljani fost il-messaġġi ‘biex il-militanti jevitaw ir-rush hour jekk iridu jaraw Ruma’.
Persuni oħra fuq ‘Twitter’ offrew is-servizzi tagħhom bħala esperti tal-moda u, fost oħrajn, ikkummentaw fuq ritratti ta’ militanti mgħammdin u lebsin is-sandli ‘li m’humiex daqstant ideali għal żjara fil-Belt Eterna’.
Lanqas ma naqsu l-messaġġi sarkastiċi wara li raġel li introduċa ruħu bħala ‘suldat tal-ISIS’ bagħat stqarrija fuq l-Internet fejn qal li l-ġiħadisti beħsiebhom jitfgħu n-nies mit-‘Torri ta’ Pizza’….Sintendi ma kenux wieħed u tnejn li wieġbu biex ‘ifehmuh’ li t-torri famuża tinsab fil-belt ta’ Pisa u mhix magħmulha mill-għaġina….
//= $special ?>