Lokali Qorti

Libjan jinżamm arrestat wara li allegatament sawwat ‘bla ħniena’ lis-sieħba

Libjan ta’ 25 sena nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Giovanni Griscti li sawwat bla ħniena lis-sieħba tiegħu li hija ta’ nazzjonalita’ Franċiża. Alaeddin Taroum ġie mixli li nhar it-Tnejn li għadda għadda għall-ħabta tal-10.00 ta’ filgħodu f’appartament ġewwa n-Naxxar wara argument li eskala bejn il-koppja.

Taroum ġie mixli li kkaġuna lit-tfajla tiegħu feriti gravi. Huwa ġie mixli wkoll li bl-imġieba tiegħu kkaġuna biża lill-istess tfajla, li ħebb għaliha u li nġurjaha. L-Avukat tiegħu Mark Anthony Mifsud Cutajar, għamel talba għal liberta’ proviżorja fil-konfront tal-akkużat, liema talba kienet miċħuda minħabba li Taroum ma kienx konsistenti meta ntalab jgħid fejn tinsab ir-residenza tiegħu.

Taroum l-ewwel semma l-Imsida bħala d-dar fejn kien qed jgħix u wara qal li huwa joqgħod in-Naxxar. Il-Qorti qalet ukoll li minħabba biża li jiġu kontaminati l-provi, jkun aħjar li l-ewwel tixhed l-allegata vittma fuq il-każ, qabel ma tittieħed kunsiderazzjoni dwar il-liberta’ proviżorja. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Luke Bonello.