Internazzjonali

Malcolm Rifkind jirriżenja mill-Parlament

L-eks-Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Sir Malcolm Rifkind, irriżenja minn deputat parlamentari u minn Chairman tal-Kumitat għas-Sigurtà u l-Affarijiet Sigrieti tal-Parlament.

Ir-riżenja kienet ikkonfermata wara li Rifkind issemma b’konnessjoni ma’ skandlu dwar xiri ta’ favuri u nqabad fuq filmat waqt li allegatament kien qed joffri s-servizzi tiegħu bi ħlas lil kumpanija privata.

L-iskandlu tlaqqam ‘cash for access’ (‘flus għal favuri’) fir-Renju Unit iżda Rifkind xorta qed jiċħad li għamel xi ħaġa ħażina.

L-eks-Ministru Laburista għall-Affarijiet Barranin, Jack Straw, ukoll inqabad fl-iskandlu wara investigazzjoni sigrieta mill-ġurnalisti tal-gazzetta ‘Daily Telegraph’ u tal-programm investigattiv ‘Dispatches’ ta’ Channel 4.

Intant, Rifkind u Straw irreferew ruħhom għall-istituzzjoni (watchdog) tal-Parlament li tħares il-komportament tad-deputati meta t-tnejn qed jiċħdu li abbużaw ir-regoli tal-House of Commons.