Minkejja li komplew il-bumbardamenti fl-inħawi tal-Lvant tal-Ukrajna, il-President tar-Russja, Vladimir Putin, ma jemminx fil-probabbilta ta’ gwerra mal-ġar. Fl-istess ħin hu sostna li l-Ewropa hi interessata daqs ir-Russja li l-kriżi tbatti u li tirritorna l-istabbilta fl-Ukrajna.
Putin, li kien qed ikellem stazzjon tat-televiżjoni Russu, ċaħad mill-ġdid li t-truppi ta’ pajjiżu qed jappoġġjaw ir-ribelli separatisti (fl-Ukrajna) kontra l-qawwiet ta’ Kiev.
Il-President Russu, fl-istess ħin, qed jesiġi biex il-pajjiżi u entitajiet li jridu jtaffu l-kriżi tal-Ukrajna jappoġġjaw il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li rriżulta mill-aħħar taħditiet f’Minsk, il-kapitali tal-Belarus.
Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna, ir-Russja, Franza u l-Ġermanja, illum, iltaqgħu f’Pariġi biex jiddiskutu s-sitwazzjoni fl-Ukrajna tal-Lvant. Dan meta ma naqsux it-tamiet li r-ribelli separatisti li jappoġġjaw ir-Russja jirtiraw mill-front tal-battalja fis-sigħat li jmiss, waqt li l-qawwiet tal-Gvern Ukren joħorġu l-armamenti kbar mill-inħawi.
Intant, il-Gvern tal-Ukrajna qal li r-ribelli baqgħu jibbumbardjaw l-inħawi madwar il-bliet ta’ Donetsk u Debaltseve, bl-osservaturi mal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) ukoll jirreferu għall-‘waqtiet ta’ ġlied regolari’.
//= $special ?>