Lokali

Standards ġodda fil-politika Maltija

Din il-ġimgħa kien żvelat li żewġ ex-Ministri Nazzjonalisti tfaċċaw fil-lista ta’ nies li kellhom kontijiet bankarji fl-Isvizzera fil-passat. Din l-istorja magħrufa internazzjonaliment bħala swissleaks ġabet reazzjoni f’ħafna pajjiżi, Malta wieħed minnhom.

Quddiem din l-istorja li fil-fatt għadha qed tiżvolġi, għaliex il-lista ta’ nies kompluta għadha mhix magħrufa minn kulħadd , gvernijiet madwar d-Dinja qed jirreaġixxu billi jagħmlu investigazzjonijiet. Dan hu sewwa għaliex apparti li l-flus fil-kontijiet bankarji seta kien ġej minn qliegħ illeċitu hemm ukoll l-kwistjoni tal-evażjoni tat-taxxa. Hu mistenni li fix-xhur li ġejjien nisimgħu ħafna aktar dwar din l-istorja fil-media internazzjonali.

F’pajjiżna pero l-Kap tal-Oppozizzjoni mar oltre. Appena ħarġet l-istorja Simon Busuttil issospenda b’mod immedjat lill-persuni msemmija sakemm tkun iċċarata l-pożizzjoni tagħhom. Aktar minn hekk il-Kap tal-PN diġa ddikjara li kull min fil-Partit Nazzjonalista jkun fuq din il-lista għandu jqis ruħu sospiż mill-partit.

Simon Busuttil għamel din id-dikjarazzjoni mingħajr ma jaf min jista jkun hemm fuq il-lista u appella lill-Prim Ministru biex hu wkoll jagħmel dikjarazzjoni simili.

Joseph Muscat qabel l-elezzjoni tkellem ħafna dwar stil gdid ta’ kif nagħmlu l-politika f’pajjizna. Il-poplu Malti jistenna minnu li jagħmel dikjarazzjoni ċara bħal Simon Busuttil biex apparti stil ġdid fil-politika Maltija nissettjaw standards ġodda għall-politici Maltin.