Reġa’ kien hemm każ ieħor ta’ drones jittajru fuq Pariġi matul il-lejl bejn it-Tlieta u l-Erbgħa fost it-tħassib ta’ min jista’ jkun warajhom.
Il-Pulizija qalet li b’kollox kien hemm ħames rapporti. Kien hemm tliet drones li ntlemħu ħdejn il-mużew militari ta’ Invalides, Place de la Concorde u tnejn mill-kanċelli antiki tal-belt kapitali Franċiża.
Titjiriet simili fuq Pariġi matul il-lejl huma illegali u huma pprojbiti titjiriet fuq il-belt kapitali f’għoli ta’ inqas minn 6,000 metru.
Il-lejl ta’ qabel kienu ntlemħu titjiriet simili kważi fl-istess zoni fosthom ħdejn it-Torri Eiffel u fuq l-Ambaxxata Amerikana qrib Place de la Concorde.
Jinvestigaw il-każ hemm għaxar membri tal-forzi tas-sigurtà Franċiżi li rnexxielhom ukoll jiġbdu filmat ta’ xi wħud minnhom.
Ix-xahar li għadda drone kien intlemaħ fuq il-Palazz Elysee, ir-residenza uffiċjali tal-President Francois Hollande u f’Ottubru kien hemm sensiela ta’ każi misterjużi fuq impjanti nukleari madwar il-pajjiż.
Minħabba l-allert li hemm fi Franza minħabba t-terroriżmu hemm tħassib dwar ir-raġuni wara dawn it-titjiriet.
Aktar titjiriet suspettużi mid-drones fuq Pariġi
