Lokali

FILMAT: Il-Prim Ministru involut direttament fl-iskandlu tal-Premier – il-PN

Minn emails li kienu żvelati fir-rapport tal-Awditur Ġenerali jirriżulta li l-Prim Ministru Joseph Muscat hu involut direttament fl-iskandlu tal-Premier, li fih kumpanija privata ngħatat €4.2 miljun mill-Gvern biex tirritorna lura propjetà fil-Belt, li fuqha kien hemm djun kbar.

email muscat circles
(Ritratt: L-email  li bagħat il-Prim Ministru Joseph Muscat u li turi l-involviment dirett tiegħu fl-iskandlu tal-Premier)

Dettalji dwar il-każ ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami, mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet Ryan Callus. Il-konferenza tal-aħbarijiet issejħet wara li fir-rapport tal-Awditur Ġenerali kienu stabbiliti diversi fatti dwar kif saru l-affarijiet fil-każ.

PC pn beppe ryan u jason premier

Beppe Fenech Adami qal li f’dan il-każ, il-Prim Ministru ddeċieda li jħallas €4.2 miljun lil kumpanija privata minn flus il-poplu. Filwaqt li żvela l-involviment dirett tal-Prim Ministru fil-każ, Beppe Fenech Adami sostna li mkien fid-dinja ma jkun hemm Prim Ministrru li jiddeċiedi li jħallas id-djun ta’ kumpanija privata kif għamel Joseph Muscat. Jirriżulta li f’dan il-każ il-Gvern ħallas il-VAT u l-Bolla pendenti, kif ukoll il-ħlasijiet li l-kumpanija sidt tal-Premier kellha tħallas lill-Golden Harvest dwar xiri ta’ ħobż.

Jirriżulta wkoll li l-għada tal-elezzjoni ġenerali, il-Premier għalaq l-attività kummerċjali tiegħu u ftit ġimgħat biss wara bdew diskussjonijiet diretti mal-Gvern biex jintlaħaq ftehim. Il-Gvern daħal ukoll repsonsabbli biex iħallas €210,000 f’commission li għadu mhux stabbilit lil min tħallset u għaliex. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li email partikolari tikkonferma li kien il-Prim Ministru nnifsu li ta l-approvazzjoni biex dawn it-trattattivi jkunu ffinalizzati.

Premier eatery

Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister Jason Azzopardi qal li r-rapport tal-Awditur Ġenerali jikkundanna t-tmexxija bla skrupli tal-Prim Ministru Muscat. Filwaqt li saħaq fuq l-involviment dirett tal-Prim Ministru, Jason Azzopardi ta dettalji dwar kif sa mill-bidu ta’ April 2013 kien hemm kuntatti mal-Prim Ministru dwar dan il-każ, fosthom laqgħa li għaliha kienu preżenti wkoll Keith Schmebri, Mario Cutajar u l-Perit John Sciberras. Madankollu, għal dawn il-laqgħat tħallew barra uffiċjali tad-Dipartiment tal-Artijiet.

Tkellem ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus, li sostna li r-raġunijiet kollha li ġab il-Gvern kienu mwaqqa’ fir-rapport tal-Awditur Ġenerali. Callus tratta l-erba raġunijiet li ġab il-Gvern, fosthom li l-ħanut tal-Premier kien qed jikkaġuna perikli għal-Librerija Nazzjonali li hemm fuqu. Madankollu, l-Awditur Ġenerali qal li dan ma jirriżultax għax l-Awditur Ġenerali fil-fatt ma sabx ħażna ta’ gass fil-post.

Ara r-rapport kollu f’dan il-link.