Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella kkundanna l-aġir li seħħ fil-konfront tiegħu fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali dalgħodu.
Josef Vella qal dan permezz ta’ stqarrija li fiha Vella spjega kif qabel daħal fil-Ministeru għal laqgħa mal-Ministru Karmenu Abela intalab biex ma jdaħħalx il-mowbajl miegħu.
Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM irrifjuta li jagħmel dan tant li l-laqgħa ma saritx. Josef Vella qal li ħassu offiż għax qatt, kemm ilu f’din il-kariga, ma ġie umiljat b’dak il-mod. L-istqarrija UĦM tgħid li Josef Vella spiss jattendi laqgħat mal-Prim Ministru fil-Berġa ta’ Kastilja u ma’ ministri oħrajn tal-gvern fil-ministeri rispettivi tagħhom, u qatt ma ġralu bħalma ġralu aktar kmieni llum. Minn naħa tiegħu Josef Vella qal li dan mhux il-mod kif ikunu trattati l-imsieħba soċjali filwaqt li żied li dan l-aġir juri nuqqas ta’ fiduċja mill-Gvern lejn il-UĦM.
//= $special ?>