Ekonomija Ewropa

Ftehim bejn l-Italja u l-Iżvizzera kontra l-evażjoni tat-taxxa

L-Italja u l-Iżvizzera ffirmaw ftehim kontra l-evażjoni tat-taxxa bl-iskop li jinkisbu lura biljuni ta’ ewro li ma tħallsux f’taxxi minn Taljani sinjuri.
Il-pjan jinkludi amnestija parzjali għal dawk li għandhom kontijiet sigrieti fl-Iżvizzera u li biha filwaqt li hemm penali kbar, min jammetti se jevita passi kriminali fil-qrati.
Skont il-kalkoli, 70 fil-mija tal-flus li t-Taljani għandhom moħbija barra mill-pajjiż qegħdin fl-Iżvizzera, u l-Italja qed titlef madwar 90 biljun ewro kull sena minħabba n-nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa.
Skont xi rapporti, hu stmat li fl-Iżvizzera hemm moħbija 230 biljun ewro ta’ ċittadini Taljani.
L-Iżvizzera hi ħerqana li ttejjeb id-dehra tagħha fejn tidħol evażjoni tat-taxxa minn ċittadini ta’ pajjiżi oħra partikolarment minħabba l-iskandlu ta’ dawn il-ġranet tal-HSBC li għen lil diversi klijenti biex jevadu t-taxxa f’pajjiżhom.
Hemm ukoll ftehim internazzjonali mal-Iżvizzera dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet f’banek Żvizzeri. Imma l-Iżvizzera imponiet kundizzjoni li dan l-iskambju jsir biss ma’ dawk il-pajjiżi li magħhom hemm rabtiet politiċi u ekonomiċi mill-qrib.