Lokali Parlament

Il-Gvern għandu jintervjeni u jgħin lill-kumpaniji Maltin b’investiment fil-Libja

L-Oppożizzjoni tappella biex Ministru tal-Gvern ikun responsabbli tas-sitwazzjoni tal-kumpaniji Maltin fil-Libja u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa

Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami appella lill-Gvern biex lil hinn mill-kliem sabiħ ta’ solidarjetà, bis-serjetà jintervjeni biex jgħin lill-kumpaniji Maltin li investew fil-Libja u li qed ibatu kawża tas-sitwazzjoni diffiċli li jinsab fiha dan il-pajjiż.

Fid-dibattitu tal-lejla fil-Parlament, fejn Gvern u Oppożizzjoni vvutaw favur Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, Beppe Fenech Adami wissa li jekk il-Gvern mhux se jkun proattiv biex jgħin lil dawn il-kumpaniji, se jkun hemm aktar konsegwenzi fuq l-attività ekonomika ta’ dawn l-investituri anke f’pajjiżna.

Ikkritika li m’hemm ebda strateġija tal-Gvern biex jindirizza l-problemi ta’ dawn il-kumpaniji u appella lill-Gvern jieħu l-eżempju tal-Gvern preċedenti biex ikun hemm riferenza għal dawn il-kumpaniji u jkun hemm Ministru responsabbli tas-sitwazzjoni tal-kumpaniji Maltin li joperaw lejn il-Libja u jieħu d-deċiżjonijiet importanti u meħtieġa.

Beppe Fenech Adami tkellem dwar dak li qed jiġri fil-Libja u fisser kif sa ftit snin ilu kien hemm investituri Maltin li investew fil-Libja u ħolqu l-ġid u kibru wkoll f’pajjiżna għaliex fehmu l-opportunitajiet f’dak il-pajjiż.

Iżda llum, fisser li fil-Libja qed jirrenja stat ta’ kaos u s-sitwazzjoni mhi tajba xejn. Investituri Maltin għandhom l-attiivtà ekonomika tagħhom imblukkata u qed jiġu feruti bid-daqqa ta’ ħarta li ħadu fin-negozju.

Fisser li hu immorali li nibqgħu newtrali quddiem ir-realtà tat-terroriżmu. F’Malta qegħdin ukoll inħallsu l-prezz għoli minħabba t-terroriżmu meta għall-ewwel darba konna wkoll vittmi ta’ attakk terroristiku fuq investiment Malti – fuq il-Lukanda Corinthia fi Tripli.

Semma wkoll ir-realtà tal-immigrazzjoni. Kulħadd jifhem u japprezza li mar-realtà tat-terroriżmu hemm ukoll ir-realtà tal-immigrazzjoni illegali.

Beppe Fenech Adami semma l-possibbiltà ta’ influss qawwi ta’ immigranti li jaslu fi xtutna għaliex jaħarbu miz-zoni li ħadu kontroll tagħhom it-terroristi.

Minn sitwazzjoni ta’ immigranti li jaħarbu minn pajjiżi bħalma hu s-Somalja u s-Sudan, illum qed nesperjenzaw ukoll immigranti mis-Sirja u mil-Libja fejn it-terroristi u l-Istat Iżlamiku sabu art fertili.

Irrifera għall-istorja li qed tiddomina l-aħbarijiet fl-Ingilterra – ta’ tliet tfajliet li ħarbu bi pjan lejn is-Sirja. Wissa fil-mod kif qed ikunu radikalizzati ż-żgħażagħ li qed jiġu maqbuda f’xibka permezz tal-media soċjali.

Din hi realtà u mhux allarm, saħaq il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni, u filwaqt li appella biex ma jkunx hemm tikketti lejn il-komunità musulmana li tagħmel ħafna ġid u li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ attività terroristika, wissa fuq organizzazzjonijiet ta’ skola ta’ ħsieb f’pajjiżna wkoll li jista’ jkun ta’ periklu għas-soċjetà.

Beppe Fenech Adami qal li l-Oppożizzjoni qed tivvota favur din il-liġi li tirreferi għar-realtà tat-terroriżmu internazzjonali. Liġi li ddaħħal id-direttiva dwar ir-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u tpoġġi bħala reat, lil min jgħin u min jivvjaġġa biex jieħu sehem f’attività terroristika; u lil min jiffinanzja l-ivvjaġġar u min jieħu sehem f’organizzazzjonijiet ta’ pubblikazzjoni li jippromwovu t-terroriżmu.

Beppe Fenech Adami saħaq li Malta wkoll qed tiffaċċja r-realtà tat-terroriżmu u għalhekk ma nistgħux nibqgħu nargumentaw biex inkunu newtrali għal dak li qed jiġri madwarna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.