Lokali Parlament

Il-Gvern jonqos mill-kelma li jispjega klawsoli li jibqgħu moħbija

Il-Gvern kellu jispjega l-klawsoli moħbija u tingħata spjega għaliex qed titneħħa kull klawsola li ġiet imblukkata

Il-Gvern naqas mill-kelma li ta lill-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi u ma tax l-informazzjoni dwar il-kuntratt iffirmat mill-Gvern ma’ Henley & Partners dwar il-bejgħ tal-passaport Malti u li kien hemm qbil dwaru fil-Kumitat.

Il-Kumitat kien qabel li fil-laqgħa tal-lum, il-Ministru Owen Bonnici jew rappreżentant tal-Identity Malta, jispjega għaliex qed titgħatta kull klawsola. Minflok, il-Gvern baqa’ jżomm mistur u moħbija l-klawsoli li mblukka fil-kuntratt iffirmat ma’ Henley & Partners.

L-Oppożizzjoni oġġezzjonat u kkritikat din il-pożizzjoni li ħa l-Gvern fil-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi. Spjegat ukoll li bil-pożizzjoni li qed jieħu l-Gvern, il-Kumitat Parlamentari ma jistax jagħmel ix-xogħol ta’ skrutinju ta’ dan il-kuntratt meta tgħattew u ma ngħatat ebda spjegazzjoni dwar il-klawsoli moħbija u mhux ippubblikati.

Il-klawsoli jittrattaw l-element tal-ħlas u l-element ta’ kemm Henley & Partners se jkunu qed jitħallsu tal-programm.

Il-Kumitat li qed jiskrutinja dan il-kuntratt hu mmexxi mid-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, Chairman tal-Kumitat; u f’isem l-Oppożizzjoni l-membri huma l-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco, u x-Shadow Minister Claudio Grech. F’dan il-Kumitat il-Gvern għandu l-maġġoranza ta’ deputati.

L-Opożizzjoni ddikjarat li m’għandha ebda interess li xxekkel it-tħaddim tal-programm ta’ bejgħ tal-passaport Malti.

Il-Ministru Owen Bonnici qal fil-Kumitat, li hemm 14-il klawsola mgħottija u hemm 400 applikant għall-iskema ta’ bejgħ tal-passaport Malti li qed joffri l-Gvern. Hemm aktar minn 100 aġent lokali li qed jipparteċipaw fl-iskema.

Fisser biss fl-istqarrija li għamel lill-Kumitat, li l-klawsoli tgħattew u mhux qed ikunu ppubblikati minħabba li huma ta’ natura sensittiva u li tinżamm il-kompetittività ta’ pajjiżna f’dan is-suq ġdid li qal li minnu l-Gvern se jkun qed jattira investiment.

Il-Ministru Owen Bonnici qal ukoll li l-lista estensiva tax-xhieda li ppreżentat l-Oppożizzjoni, se tkun analizzata min-naħa tal-Gvern, li se jkun ukoll qed iressaq lista ta’ xhieda.

Quddiem in-nuqqas tal-Gvern li jagħti spjegazzjoni tal-klawsoli mgħottija fil-kuntratt ippreżentat quddiem il-Kumitat Parlamentari, Tonio Fenech qal li mhix l-intenzjoni tal-Kumitat li jxekkel l-iskema jew li jesponi xi informazzjoni sensittiva li taġevola l-kompetituri tagħna.

Spjega li bħala Chairman, skont ir-ruling ukoll tal-Ispeaker, kellu janalizza l-kuntratt hu u jara x’inhuma ssalvagwardji. Iżda minflok ġie mogħti l-kuntratt bis-salvagwardji li ddeċieda l-Gvern waħdu.

Tonio Fenech irrimarka li kieku l-Gvern laqa’ l-istedina għal laqgħa bejn l-Ispeaker, il-Gvern u miegħu bħala Chairman, u jkun hemm qbil fuq is-salavagwardji meħtieġa fil-kuntratt, kieku l-Kumitat ma kienx jiġi f’din is-sitwazzjoni.

Il-Ministru Bonnici talab lill-Kumitat joqgħod għal dak li ppreżenta l-Gvern bil-klawsoli kif imblukkati fil-kuntratt.

Tonio Fenech qal li bħala Chairman kellu jara hu l-kuntratt u jieħu l-kawteli hu, iżda kien il-Gvern li ddeċieda waħdu liema klawsoli jimblokka.

Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni m’għandha ebda interess li l-Gvern jippubblika klawsoli għal xejn, iżda oġġezzjona li l-Gvern juża l-maġġoranza biex ixekkel l-iskrutinju tal-Kumitat Parlamentari.

Claudio Grech qal li dan il-Kumitat mhux Qorti, iżda b’funzjoni li jifli l-valur tal-flus, u l-elementi finanzjarji tal-kuntratt. Fisser li l-mument li l-Gvern ineħħi l-klawsoli li tneħħew, meta jitneħħew dawn il-kalwsoli l-funzjoni ta’ dan il-Kumitat ma tistax issir għaliex ma jistax ikun hemm konklużjoni dwar ir-relazzjoni kummerċjali meta tneħħew il-parametri tal-ħlas.

Irrimarka wkoll li l-Kumitat kien qabel li jkun jew Ministru jew Identity Malta li jagħtu spjega għal kull klawsola mgħottija fil-kuntratt.

Claudio Grech saħaq li bl-14-il klawsola moħbija, il-Kumitat ma jistax jiskutinja l-kuntratt.

Fisser ukoll li l-Gvern ta d-dokumenti li l-Kumitat qed jitlob li jiġu ppreżentati quddiemu lil min tefa’ l-offerta għal dan il-programm, tlieta b’kollox, iżda qed jirrifjuta li jagħmel dan fil-Parlament li hu fl-obbligu li jifli d-dokument.

Bħala soluzzjoni għal dan in-nuqqas ta’ qbil, Mario de Marco ppropona li l-kuntratt jiġi ppreżentat lic-Chairperson li wara li jarah b’diskussjoni mal-Gvern, jagħti hu d-direzzjoni u d-deċiżjoni dwar il-kawteli li għandhom jittieħdu fil-pubblikazzjoni tal-kuntratt.

Tonio Fenech, filwaqt li rrimarka li l-Oppożizzjoni għandha riservi dwar il-klawsoli mgħottija għaliex jista’ jkun li kienu mblukkati aktar klawsoli milli l-Gvern kellu bżonn, issuġġerixxa wkoll li flimkien mal-Gvern jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-klawsoli mgħottija u jekk dan ikun aċċettabbli, il-klawsoli jibqgħu hekk, u f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil tngħata gwida mill-Ispeaker.

Il-Ministru Bonnici baqa’ ma qabilx mal-proposti tal-Oppożizzjoni u ppropona li l-Ispeaker jieħu nota tad-dibattitu fil-Kumitat, tal-minuti approvati, u jagħti d-direzzjoni xierqa.