Lokali

Il-każ tal-‘party’ biex iżid it-tfajliet f’Paceville: Il-Kummissarju għat-Tfal tgħid li hemm anomaliji fil-liġi u li l-konsum tal-alkoħol għandu jitla’ għal 18-il sena

M’hemm xejn fil-liġi li jżomm persuna b’rekord kriminali ta’ abbuż ta’ minorenni milli jorganizza attivitajiet fejn possibilment ikollu kuntatt ma’ minorenni

“Bin-nuqqasijiet li hemm fil-liġijiet ta’ Malta biex jirregolaw il-qasam tal-‘parties’, wieħed ma jiskantax li jinqalgħu diversi anomaliji, bħal pereżempju li persuni b’rekord kriminali ta’ abbuż fuq minorenni jistgħu, mingħajr ma jiksru l-liġi, jorganizzaw festini għal nies adulti li fihom jistgħu jattendu wkoll nies taħt l-eta’”.

Kienet din ir-reazzjoni tal-Kummissarju għat-Tfal Helen d’Amato għal mistoqsijiet li bagħat is-sit MaltaRightNow.com b’rabta ma’ storja li ġiet ippubblikata minn dan l-istess sit ftit jiem ilu dwar ‘party’, li se jkun organizzat minn persuna b’rekord ta’ abbuż ta’ minorenni, liema ‘party’ huwa intenzjonat li “jżid in-nisa f’Paceville”.

Fl-aħħar jiem, MaltaRightNow.com ippubblika dettalji dwar party organizzat minn Joel Caruana (ritratt), żagħużgħ ta’ inqas minn 25 sena, li fl-aħħar snin ingħata żewġ sentenzi sospiżi mill-Qorti b’rabta ma’ abbuż ta’ minorenni. Fil-ġimgħat li għaddew hu kien qed jippromwovi ‘party’ li se jkun organizzat nhar is-Sibt 28 ta’ Frar intitolat ‘Girls Invasion’ u li kien qed jiġi deskritt bħala ‘party biex iżid it-tfajliet f’Paceville minħabba nuqqas ta’ tfajliet li jeżisti f’Paceville’.

MaltaRightNow.com bagħat numru ta’ mistoqsijiet lill-Uffiċju tal-Kummissarju għat-Tfal fejn staqsejna fost l-oħrajn x’inhi l-opinjoni tal-Kummissarju għat-Tfal li persuna b’rekord kriminali ta’ abbuż ta’ minorenni qed jitħalla jkompli jorganizza ‘parties’ jew attivitajiet li fihom potenzjalment jista’ jkollu kuntatt ma’ tfajliet taħt l-eta’.

Dan peress li, minkejja li l-party ‘Girls Invasion’ se jsir f’klabb f’Paceville (li jfisser li l-‘party’ bilfors irid ikun għal żgħażagħ minn 17-il sena ‘il fuq), madanakollu, hu fatt magħruf li f’Paceville jeżisti nuqqas ta’ infurzar u dan iwassal biex f’dawn il-klabbs u ‘parties’ jidħlu tfal taħt l-eta’ stabbilita’ bil-liġi, jiġifieri tfal taħt is-17-il sena.

Dwar dan, il-Kummissarju għat-Tfal qalet li hemm bżonn li l-liġijiet preżenti jiġu infurzati aħjar. Dan billi jiġi żgurat, mill-forzi taż-żamma tal-ordni, li ma jidħlux tfal taħt l-eta’ minima għall-konsum tal-alkoħol fil-post fejn ikunu qed isiru attivitajiet immirati għall-adulti.

Iżda hawnekk tinħoloq anomalija oħra. Dan għaliex filwaqt li l-liġi tgħid li persuna tkun għada minorenni qabel ma tagħlaq it-18-il sena, l-eta’ biex wieħed jikkonsma l-alkoħol u jkun jista’ jidħol ġo klabb f’Paceville hija ta’ 17-il sena.

Dan ifisser li anke’ jekk il-‘party’ ‘Girls Invasion’ hu strettament għal persuni minn 17-il sena fuq, xorta waħda dan l-orgazzatur, li għandu sentenzi mill-Qorti b’rabta ma’ abbuż ta’ minorenni, fl-organizazzjoni ta’ dan il-‘party’ ikun qed jidħol f’kuntatt dirett ma’ żgħażgaħ minorenni – peress li skont il-liġi stess, żgħażagħ ta’ bejn is-17 u t-18-il sena huma meqjusa bħala minorenni għax ikunu għadhom taħt l-eta’ tal-maturita’ (li hija 18-il sena).

Dwar dan, l-Uffiċju tal-Kummissarju għat-Tfal, mistoqsi minn MaltaRightNow.com qal li ilu diversi snin isostni li l-eta’ minima’ għall-konsum tal-alkoħol għandha titla’ għal 18-il sena.

Fuq Facebook fl-aħħar jiem, l-organizzatur, Joel Caruana, iġġustifika l-‘party’ li se jorganizza nhar is-Sibt li ġej billi qal li dan se jkun għal persuni ta’ 17-il sena ‘il fuq. Fl-ebda ħin pero’ ma tkellem dwar id-deskrizzjoni li kiteb għall-‘party’ tiegħu stess u li kienet tgħid:

“Paceville għandu bżonn aktar tfajliet biex jimlew il-weekend tiegħek. Għaldaqstant iddeċidejna li nieħdu l-affarijiet f’idejna sabiex nipprovdu kemm jista’ jkun tfajliet”.

Din id-deskrizzjoni tneħħiet minn fuq l-internet ftit ħin biss wara l-pubblikazzjoni tal-artiklu fuq MaltaRightNow.com.