Gvern li wiegħed li kien se jisma’ iżda qed jirriżulta fi gvern b’Segretarju Parlamentari li taġixxi b’arroganza u li tilgħab il-logħba tal-poter
Il-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltá politika tal-aġir ta’ theddid, insulti u tgħajjir tas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana lil careworkers mal-anzjani, bil-Prim Ministru għandu mhux biss jikkundanna dan l-aġir, iżda wkoll iwieġeb għal dan l-aġir ta’ abbuż ta’ poter li ntwera minn membru tal-Kabinett tiegħu.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja u Drittijiet tat-Tfal, Anzjani u Persuni b’Diżabbiltà, Robert Cutajar, staqsa fil-Parlament kif għandna f’pajjiżna min jasal biex ikellem lill-ħaddiema b’dan il-mod u esprima t-tama li s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana, membru tal-Kabinett tal-Gvern, mhux biss titlob skuża, iżda l-Prim Ministru wkoll iwieġeb għal dak li seħħ fil-laqgħa ma’ ħaddiema li jaħdmu mal-anzjani.
Sejjaħ bħala aħbar xokkanti l-laqgħa tas-Segretarju Parlamentari mal-uffiċjali li kienu jissejħu officers in charge fid-day centres, u li ntalbu jħallu l-basktijiet barra l-kamra tal-laqgħa u ttiħdulhom il-mowbajls.
Il-laqgħa ssejħet wara li l-Union Ħaddiema Magħqudin talbet laqgħa mal-awtoritajiet minħabba li l-Gvern qabad u ħatar numru ta’ supervisors fid-day centres minflok ma rriveda l-istruttura preżenti.
Robert Cutajar qal fil-Parlament li dan hu gvern li wiegħed li kien se jisma’, iżda llum qed jirriżulta li hu gvern tat-twerwir. Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana minflok ma rringrazzjathom għax-xogħol li jwettqu, b’arroganza lagħbet il-logħba ta’ poter ma’ ħaddiema li wħud minnhom ilhom joffru servizz lill-anzjani għal disa’ u 11-il sena.
Ikkritika wkoll lill-Gvern li lanqas petizzjoni ma jaċċetta. Semma li kien hemm skiet perfett mill-Gvern dwar il-petizzjonijiet li saru, u min azzarda jitkellem fil-laqgħa mas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana kien mhedded li jista jsib il-Kummissarju tal-Pulizija fuq l-għaba ta’ dahru.
Filwaqt li appella lill-Gvern biex xi ħadd jerfa’ r-responsbabiltà politika u jitkellem u jiddepplora dan l-aġir, qal li dan hu biss iċ-ċirasa fuq il-kejk għaliex il-qasam tal-anzjani mhux qed jitmexxa sew.
Semma wkoll kif il-Ministru responsabbli mis-settur tal-anzjani, Michael Farrugia, qiegħed jonqos li jwieġeb mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni dwar dak li għaddej f’San Vincenz De Paule fejn hemm nuqqas ta’ ippjanar għaliex fl-eqqel xhur tax-xitwa ma jsirx programm ta’ ristrutturar, b’anzjani jbatu mix-xogħlijiet ta’ ristrutturar.
Dan hu Gvern bla viżjoni u bla pjanijiet u qed ikollu jirrikorri għal deċiżjonijiet mgħaġla li jbatu minnhom l-anzjani.
Semma l-każ li qajjem tliet ġimgħat ilu fil-Parlament, dwar koppja anzjana fl-età ta’ 93 u 94 sena li jinsabu mifrudin fi djar tal-anzjani. Appella lill-Gvern jagħti widen għat-talba li hemm biex din il-koppja tgħix l-aħħar żmien ta’ ħajjitha flimkien. Appella lill-bord multidixxipplinarju li jiddeċiedi dwar dawn it-talbiet, jifhem is-sensittività tat-talba ta’ din il-koppja.
Robert Cutajar tkellem ukoll dwar l-400 tariffa ġdida, u żieda ta’ taxxi u taxxi ġodda li se jkunu qed iħallu impatt fil-but tan-nies, l-aktar ta’ dawk vulnerabbli.
Tkellem ukoll dwar il-proġett tad-dar tal-anzjani f’Għawdex, u li l-Oppożizzjoni taqbel dwaru għax hu pass fid-direzzjoni t-tajba. Talab iżda lill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo jagħti kelma li din id-dar se tintuża biex tilqa’ anzjani Għawdxin u Maltin u mhux kif kien iddikjara meta ftit wara l-elezzjoni kien ħabbar dan il-proġett, li din id-dar se sservi ta’ niċċa għas-settur turistiku biex anzjani jiġu f’Għawdex, u li dwar dan diġà l-Gvern għandu l-kuntatti.
//= $special ?>