Lokali Parlament

Is-servizzi tal-kura tas-saħħa primarja mhumiex jaqdu lil min hu l-aktar batut u ma jistax iħallas fil-privat

Il-Gvern għandu jindirizza l-problemi u l-isfidi fis-servizzi tal-kura tas-saħħa primarja li mhix taqdi lil min hu l-aktar vulnerabbli – dawk l-aktar batuti u li ma jistgħux iħallsu fil-privat.

“Irridu kura primarja fejn jekk persuna ma tistax toħroġ mid-dar, għandu jkun hemm sistema li t-tabib iżur il-pazjent. Fin-nuqqas ta’ dan, jekk il-kura primarja ma tkunx effiċjenti, il-pazjent jirrikorri għall-emerġenza tal-Isptar Mater Dei,” saħaq id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri meta fil-Parlament irrifera għall-istorja fil-media dwar is-servizz tas-saħħa provudt lil single parent li tgħix f’dar fil-Mosta u li kellha t-tifla tagħha b’ħafna deni, u talbet l-għajnuna tat-tobba fiċ-ċentri tas-saħħa. Is-servizz dam aktar minn jumejn biex wasal.

Stephen Spiteri staqsa jekk is-servizz tas-saħħa hux jaqdi u jolqot il-bżonnijiet tal-aktar fil-bżonn. Għandna noħolqu sistema li min hu l-aktar fil-bżonn finanzjarjament u ma jistax iħallas għas-servizzi tas-saħħa fil-privat, għandu jkun moqdi kif xieraq u fi żmien raġonevoli.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li mhux aċċettabbli li wieħed jistenna jumejn għal tabib u li dan joħloq ukoll tħassib. Dawn huma affarijiet li ma jsirux f’pajjiż żviluppat bħalma hu tagħna.

Is-settur tal-kura primarja għandu jkun b’saħħtu u effiċjenti, u li jnaqqas ukoll il-piż fuq l-Isptar Mater Dei li llum sar over loaded b’ħafna pazjenti fil-kurituri u jieħdu l-kura mhux f’ward.

Appella lill-Gvern għal roadmap ċara fuq is-sistema ta’ kura primarja u wissa li jekk il-pajjiż mhux se jieħu azzjoni, is-sitwazzjoni tista’ tmur għall-agħar bil-piż ikompli jikber fuq Mater Dei.

Dan irid isir b’investiment fil-loġistika u fir-riżorsi umani biex il-kura primarja taqdi lil min hu fil-bżonn.
Tkellem ukoll fuq l-isfidi tal-akkomodazzjoni soċjali għal dawk fil-bżonn, u wkoll ma jistgħux jixtru jew jikru djar mis-settur privat.

Stephen Spiteri appella lill-Gvern jindirizza s-sitwazzjoni ta’ familji li huma fil-bżonn ta’ akkomodazzjoni xierqa, u saħaq li l-Gvern għandu jindirzza l-ewwel lil min ilu jistenna u ilu fil-bżonn ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Ikkritika d-deċiżjoni li titwaqqaf l-iskema kiri mill-Gvern mingħand il-privat, u appella biex il-Gvern jaħseb fuq kif juża l-proprjetà fil-privat biex jinqdew il-familji imminenti u li jixirqilhom dar diċenti u li toffri l-bżonnijiet lil dawn il-familji.

F’dik li hi social housing il-Gvern għandu jkun ġust u bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni fuq dan is-settur soċjali, Stephen Spiteri qal li l-istat għandu jintervjeni biex dawn il-familji jagħmlu qabża fil-kwalità u jgħixu f’dinjità.

Koppji anzjani li jidħlu f’residenzi tal-Gvern għall-anzjani, u li jkunu qed igawdu mill-akkomodazzjoni soċjali, għandhom jirritornaw ir-residenza jekk ikun ċertifikat li ma jistgħux jirritornaw lura d-dar.