Mewta mhux tas-soltu fit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei meta anzjan ‘miet’ ftit tal-ħin wara li kien iddaħħal minn dar għall-anzjani minħabba li saħħtu marret lura. Madankollu filwaqt li kienu diġà se jinbdew it-tħejjijiet biex jittieħed fil-Kamra Mortwarja, dan l-anzjan deher jerġa’ jieħu n-nifs!
Informazzjoni li wasslet għandna kienet tgħid li l-anzjan iddaħħal fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei kmieni t-Tnejn filgħodu. Qabel hu kien residenti f’dar għall-anzjani.
Għall-ħabta tal-10 a.m. jidher li dan ħa l-aħħar nifsijiet tiegħu tant li t-tim mediku li kellu madwaru ddeċieda li jneħħilu xi apparat mediku li kienu qed jassistuh dak il-ħin.
Familjari tal-anzjan ingħadilhom li l-anzjan kien ‘miet’ u li allura kienu se jinbdew it-tħejjijiet ta’ wara l-mewt. Madankollu ftit tal-mumenti wara jidher li sider dan l-anzjan kien osservat jiċċaqlaq. Fi ftit kliem deher li l-anzjan kien reġa’ beda jieħu n-nifs.
Mill-ġdid hu reġa’ beda jingħata l-assistenza medika, madankollu l-kundizzjoni li kien jinsab fiha l-anzjan kienet akuta tant li sitt sigħat wara – ftit tal-ħin wara l-4 p.m. hu miet tassew u aktar tard ittieħed fil-Kamra Mortwarja bi tħejjija għad-difna.
Sorsi li tkellmu magħna qalulna li t-tim mediku kien sorpriż b’dan il-każ u kważi lkoll qablu li dan kien każ tassew rari li huma, minkejja li ilhom snin jaħdmu fis-saħħa, qatt ma jiftakru esperjenza simili.
//= $special ?>