Lokali Parlament

L-akbar skandlu li fih kien involut il-Prim Ministru

Teatru tal-assurd mill-Prim Ministru għaliex l-assurdità ta’ storja bħal din hi kummiedja traġika li tibqa’ assurda

Ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg fissret il-kundanna tal-Awditur Ġenerali lill-Gvern fil-mod kif sar l-akkwist mill-Gvern tal-bini ta’ Cafè Premier fil-Belt għall-prezz ta’€4.2 miljun, bħala l-akbar skandlu li fih kien involut il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Meta tkellmet fil-Parlament illejla fil-ħin tal-Aġġornament, Claudette Buttigieg fissret kif il-Prim Ministru Muscat għandu ħafna x’jispjega fuq din l-istorja.

Staqsiet x’interess kellu Muscat biex indħal fl-akkwist tal-bini ta’ Cafè Premier filwaqt li sostniet li minnufih għandu jiddikjara x’interessi kellu biex indaħal personalment f’negozju ta’ €4.2 miljun.

Fissret li l-Prim Ministru hu l-uniku politiku li ndaħal personalment u involva ruħu f’negozjati ma’ wieħed mid-diretturi ta’ City Entertainment b’mod li eskluda kull uffiċjal ieħor li kellu jiġi involut fi proċess bħal dan. Staqsiet x’tip ta’ negozjati setgħu saru sa minn qabel l-elezzjoni ġenerali, u dan minħabba li n-negozjati bdew ftit jiem biss wara r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali.

Fissret l-involviment tal-Prim Ministru bħala teatru tal-assurd għaliex l-assurdità ta’ storja bħal din hi kummiedja traġika li tibqa’ assurda.

“Hu surreali, assurd li Prim Ministru li jieħu ġurament tal-ħatra f’isem partit li kien ilu żmien twil fl-Oppożizzjoni, jagħżel li waħda mill-affarijiet li jagħmel l-ewwel kien li jinnegozja u jixtri kafè fi pjazza ewlenija fil-belt kapitali.”

Hu surrealu u assurd aktar, kompliet Claudette Buttigieg, li dan il-kafè hu proprjetà tal-Gvern, u l-Prim Ministru flok ħadu lura u għamel ftehim kif se jiġbor lura l-flus, jagħżel b’aktar mod assurd u surreali li jħallas somma ta’ €4.2 miljun – assurdità li ebda awtur tat-teatru tal-assurd ma tgħaddilu minn moħħu.

Irriferiet għall-email tas-7 ta’ Awwissu tal-2013, bil-Prim Ministru jikteb “OK Mario, ara mal-finanzi biex nagħtu go ahead” – prova ċara li kienet deċiżjoni personali tal-Prim Ministru li qabeż kull proċess normali u nnegozja hu b’mod dirett mal-kumpanija li kienet tmexxi l-kafetterija fil-Belt.

Semmiet ukoll kif l-Awditur Ġenerali jċanfar lill-Prim Ministru u jakkuża lill-Gvern b’nuqqas ta’ trasparenza u jgħidlu li t-tmexxija tal-Gvern hi fqira fit-trasparenza u li evedentement f’dan il-proċess hemm il-ħabi.

L-Awditur Ġenerali jsemmi wkoll li tħallsu pagamenti li qatt ma kellhom jitħallsu, u li tħallsu mill-but tal-poplu.

B’riferenza għar-reazzjoni tal-Gvern għar-rapport tal-Awditur Ġenerali, ix-Shadow Minister qalet li l-Prim Ministru ma jistax jgħid li qed jagħti widen għar-rapport u jaċċettah, u ma jġorrx ir-responsabbiltà politika meta qed jikkundannah għan-nuqqas serju ta’ trasparenza.

Claudette Buttigieg fissret ukoll li qed nesperjenzaw nuqqas ta’ trasparenza fuq sempliċi mistoqsijiet parlamentari u dan jitfa’ dubji akbar fuq affarijiet oħrajn li qed jiġru fil-pajjiż, bħalma hu l-każ tal-President tal-UĦM, Josef Vella, li ma tħalliex idaħħal il-mowbajl f’laqgħa ma’ Ministru. Fissret dan bħala turija li l-Ministri mhumiex komdi jitkellmu ma’ kulħadd, għandhom sens ta’ biża’ li dak li jgħidu jkun irrappurtat, u għaliex jaħsbu li kulħadd bħalhom ma jafdaw lil ħadd.

Spjegat li qablet mal-pożizzjoni li ħa Josef Vella li m’aċċettax li jiddiksuti f’laqgħa ma xi ħadd li ma jafdahx. Staqsiet x’tip ta’ djalogu soċjali qed jagħmel il-Gvern meta mhux jafda lil rappreżentant tal-imsieħba soċjali. Jekk din hi policy tal-Gvern, il-Kabinett kollu għandu x’jaħbi. Fissret li din issegwi l-istorja tas-Segretarju Parlamentari Justyne Carauna li minflok ma tindirizza l-problemi, tipproteġi lila nnifisha.

Fissret li nibqgħu fl-għama ta’ dak li qed jagħmel il-Gvern sakemm in-nies tiddeċiedi li tibqa’ fl-omertà – fis-silenzju li għax tibża’ li xi ħadd se jagħmillek xi ħaġa, tibqa’ fis-silenzju.

Dan għaddejjin minnu wkoll il-ħaddiema tal-Enemalta. Claudette Buttigieg saħqet li hi assurda li tkun taħdem fil-power station ta’ Delimara u tmur tbajjad il-ward ta’ San Vincenz de Paule għax hemm għandu bżonnok il-Gvern.

Ikkritikat lill-Gvern li ħalla sitwazzjoni li għax ċertu ħaddiema huma membri tal-General Workers’ Union, ingħataw xogħol li kien fl-istess livell tax-xogħol fl-Enemalta, u lil ħaddiema oħra qed jingħataw il-loqom għaliex l-impjiegi t-tajbin ittieħdu mil-lista ta’ postijiet vakanti li kienet f’idejn biss il-GWU.

In-nuqqas ta’ trasparenza u d-daħk fil-wiċċ tal-Gvern, Claudette Buttigieg qalet li qed jirrifletti wkoll f’risposti li qed jagħti l-Gvern lill-Oppożizzjon fil-Parlament.

Hi assurda wkoll it-tweġibiet li tal-Gvern għall-mistoqsija dwar jekk il-Pediatric Day Care hix qed tilqa’ pazjenti għall-kura, u jekk il-pazjenti tpoġġewx fil-play area tal-pediatric day care.

Ir-risposti ma tweġbux iżda jikkonferma li tpoġġew pazjenti fi spazji tal-pediatric day care – fejn ġenituri jmorru bit-tfal għal ftit sigħat fejn ikunu jistgħu jilagħbu qabel ma jattendu għall-kura. Meta staqsiet għal xiex u għal liema kundizzjonijiet il-pazjenti kienu qed jiġu kkurati fil-pediatric day care, ingħatat lista ta’ kundizzjonijiet, fosthom pazjenti bil-kundizzjoni tal-anġina

Dan hu insult għax pazjenti b’anġina huma adulti, ħafna minnhom anzjani. Fissret li l-Oppożizzjoni kellha raġun tinkwieta għaliex in-nies tkellmu mal-Oppożizzjoni.

Appellat lin-nies tibqa’ titkellem u tilmenta biex turi li mhux qed tibża’ minn dan il-Gvern.