Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ma taqbilx b’mod assolut mat-tracking system li d-Dipartiment tas-Saħħa ppropona li jibda jimplimenta fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Skont id-Dipartiment tal-Gvern, l-iskop tat-tracking system hu biex jitnaqqas b’sitt sigħat il-ħin ta’ stennija fl-Emerġenza.
Skont l-MUMN, din il-proposta ma tistax taħdem. Dan hekk kif suppost sitt sigħat stennija għal pazjent ikunu jinkludu l-ħin meta jkun wasal l-Emerġenza, il-ħin biex ikun eżaminat u biex ikun trasferit f’sodda f’Ward tal-Isptar.
Iżda fil-verità, kompliet tispjega l-MUMN fl-istqarrija, li qed jiġri hu li l-pazjent fl-Emerġenza qed idum bejn wieħed u ieħor jistenna sitt sigħat biex ikun eżaminat. Imbagħad, il-pazjent ikollu jistenna fil-kuritur għal sitta jew tmien sigħat oħra ħalli forsi jingħata sodda jew stretcher sakemm forsi jingħata sodda f’Ward.
Għaldaqstant, l-MUMN temmet l-istqarrija b’appell lill-Gvern u lill-Awtoritajiet biex jieqfu jgħaddu lill-pazjenti biż-żmien. Dan minbarra li ssostni kif is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne mhuwiex jaġixxi fl-interess tal-pazjenti meta fil-Parlament biddel l-ismijiet tal-Konsulenti f’kodiċi minħabba protezzjoni tad-data.
L-MUMN sostniet li b’dan il-mod, Chris Fearne ikun qed jipproteġi xi Konsulenti fl-Isptar Mater Dei li ma jkunux qed jagħmlu xogħolhom kif suppost.
//= $special ?>