Minn żmien għal żmien niltaqa’ ma persuni sempliċi li bis-sempliċità tagħhom jimpressjonawk u jgħallmuk. Nies li la jfittxu l-kuluri u wisq inqas l-istorbju. Nies li jaħdmu bla heda f’ċirkostanzi diffiċli mingħajr ma jgemgmu u jilmentaw. Nies li kapaċi jagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ terzi.
L-Isqof Silvestru Magro nikklassifikah bħala wieħed minn dawn il-persuni. 27 sena ta’ missjoni fil-Libja. Fi żminijiet sbieħ u fi żminijiet inqas sbieħ. Fi żminijiet diffiċli u fi żminijiet diffiċli ħafna.
Imma meta titkellem miegħu tisimgħu jitkellem b’imħabba profonda. B’viżjoni ċara u mingħajr ebda biża’. Iċ-ċirkostanzi li jgħix fihom f’Benghażi huma ta’ inkwiet kbir. Mhux biss nuqqas ta’ stabbilità, imma l-perikli huma l-ordni tal-ġurnata.
Frattant hu jgħidlek b’konvinzjoni li la l-Mulej sejjaħlu biex jindokra l-merħla tiegħu hemmhekk, hu jibqa’ jagħmel dak kollu possibbli biex ikun fiżikament preżenti qalb in-nagħaġ afdati lilu.
Dawn huma nies kbar li lili jimpressjonawni tassew. Nies li kapaċi jaħdmu fis-skiet u mingħajr ma jistennew xejn lura. Nies li jfittxu biss x’se jagħtu.
Impressjonanti s-serenità li jittrasmetti l-Isqof Silvestru Magro. Verament jikklassifika lilu nnifsu bħala “Raġel Kbir”.
Sitwazzjoni delikata wara biebna
Dak li qed jiġri fil-Libja ftit kilometri lil hinn minn artna hu tat-tħassib fil-veru sens tal-kelma. M’humiex biss ix-xeni atroċi li jkexkxuni. M’humiex biss il-kunflitti kontinwi f’dan il-pajjiż li jħassbuni.
Art kbira mogħnija b’tant riżorsi naturali li tbiegħedet mill-istabbiltà. Wisq fazzjonijiet. Wisq gruppi kontra xulxin. Wisq interessi varji. Jidher li kull sforz għal djalogu biex il-poplu Libjan jerġa’ jibda jgħix fil-paċi m’hux jirnexxi.
Hemm min jara l-qasma ġeografika fil-Libja bħala inevitabbli kemm-il darba wieħed jawgura għal stabbiltà fil-pajjiż. Qasma li teħodna lura għal li kienet il-Libja fl-imgħoddi.
Mhux sitwazzjoni faċli din fil-Libja. U qed ibati direttament u indirettament pajjiżna wkoll. Il-kummerċ mal-Libja kien b’saħħtu. In-negozjant Malti kien ifittex li jinvesti f’din l-art ġara tagħna. Illum ħafna minn dawn l-affarijiet taru mar-riħ.
Kien hemm negozjanti Maltin li b’riżultat ta’ dak li ġara matul is-snin reċenti, tilfu l-qaleb u l-ġbejna għal aktar minn darba. Negozjanti li għandhom jieħdu l-belli l-liri. Iżda llum fuq min se jduru?
Ebda lok għall-allarm…
Ripetutamet smajna lill-ogħla awtoritajiet ta’ pajjiżna jitkellmu dwar il-ħtieġa tal-kalma u li għalissa jidher li m’hemmx għalfejn li wieħed jallarma lilu nnifsu dwar dak li qed jiġri fil-Libja.
Naqblu li l-aħbarijiet li qed joħorġu mil-Libja, m’humiex sbieħ. Konxji mill-fatt li l-mument li pajjiżna b’xi mod jissemma’ direttament f’din il-kobba mħabbla, allura naqilgħu daqqa kbira. L-aktar ekonomikament għax it-turisti jfittxu artijiet siguri fejn imorru jistrieħu. Jalla l-affarijiet fil-Libja jitranġaw illum qabel għada u jalla pajjiżna jieqaf ma’ ħutna Libjani f’dan il-mument diffiċli.
Nifhem l-imbarazzament għall-Gvern Malti li ma jridx jidħol fil-kwistjonijiet interni tal-poplu Libjan. Hekk għandu jkun. Madankollu mhix sitwazzjoni feliċi dik li qed niffaċċjaw quddiem pajjiż immexxi minn żewġ gvernijiet… u min numru ta’ fazzjonijiet oħra.
//= $special ?>