Il-manager ta’ Manchester City Manuel Pellegrini jemmen li l-penalty li salva Joe Hart biex ċaħħad lil Lionel Messi, żamm it-tamiet ta’ Manchester City ħajjin.
Luiz Suarez ta vantaġġ doppju lil Barcelona fl-ewwel taqsima qabel Sergio Aguero naqqas l-iskor. Hart imbagħad ċaħħad lil Messi għalkemm l-Arġentin ħela ċans kbir li jiskorja minn rebound.
“Kien save importanti ħafna. Kienet tkun diffiċli ħafna kieku tlifna 3-1. Mhux l-aħjar riżultat li titlef bih home imma se morru Barcelona nippruvaw nirbħu. Xorta għad għandna ċans li nagħmluha,” qal iċ-Ċilen.
Messi b’kollox ta 57 penalty li minnhom skorja 44, kellu 9 salvati, falla tnejn u darbtejn laqat il-lasta.
Il-kowċ ta’ Barcelona Luis Enrique rrifjuta li jwaħħal f’Messi.
“Il-plejers li jagħtu l-penalties dejjem se jfallu wieħed imma għandna fiduċja sħiħa f’Messi. Lgħabna logħba kompluta u għandna nkunu sodisfatti biha. Kienet wirja tajba mit-tim u konna ħafna aħjar mill-avversarji.”
City li tkeċċielhom id-difensur Gael Clichy lejn tmiem il-partita għal żewġ karti sofor issa jridu jiskorjaw mill-anqas darbtejn f’Nou Camp fit-18 ta’ Marzu biex ikollhom ċans javanzaw u Barcelona sofrew żewġ gowls darba biss f’darhom dan l-istaġun imma xorta rebħu 3-2 kontra Villarreal fil-bidu ta’ Frar.
“Jekk immorru Barcelona u nilagħbu kif normalment nilagħbu, bħalma għamilna fit-tieni taqsima, allura għandna ċans. Meta jkollna l-ballun irridu nkunu t-tim li nkunu kull ġimgħa fil-Premier League,” qal Pellegrini.
Dortmund fiduċjużi
Intant anke Borussia Dortmund huma fiduċjużi li l-gowl li skorjaw f’Turin se jkun biżżejjed biex jissuperaw lil Juventus u jgħaddu għall-kwarti tal-finali minkejja telfa 2-1.
Dortmund għandhom għalfjen iwaħħlu fihom infushom li ħarġu b’telfa hekk kif iż-żewġ gowls ta’ Juventus waslu meta d-difiża Ġermaniża nqabdet tongħos.
“Għamilna ħafna affarijiet tajbin speċjalment fl-ewwel taqsima imma l-gowls li qlajna kienu faċli wisq. Id-difiża tagħna ma kinitx tajba u għamilniha faċli għal Juventus,” qal il-kowċ Jurgen Klopp li kien sfurzat ibiddel il-pjan fit-tieni tasqsima meta weġġgħu żewġ difensuri, Piszczek u Papastathopoulos.
“Għal taqsima tajba u oħra medjokri hu riżultat li nistgħu naċċettaw għaliex għadna fil-kompetizzjoni. Bil-gowl li skorjajna ħallejna l-logħba miftuħa u ma naħsibx li se mmorru lura dispjaċuti. Juventus hu tim qawwi,” qal Klopp.
Massimiliano Allegri kowċ ta’ Juvenus qal, “Fil-Kampjonat domestiku mdrorrijin li jkollna l-ballun għal 70% tal-logħba. M’aħniex imdorrijin mingħajr ballun u li jkollna niddefendu imam fit-tieni taqsima għamilnihom it-tnejn. Din il-logħba kienet pass il-quddiem għal tim li jrid imur tajjeb fl-Ewropa.”
Juventus qalgġu il-gowl tad-draw momentanju minn żball tad-difensur Giorgio Chiellini. “Kultant tiżloq u ma jiġri xejn imma meta tiżloq u tkun l-aħħar raġel titlob biss li l-attakkant jiżbalja. Ħasra. Miskin Buffon ma seta’ jagħmel xejn lanqas. It-tajba hi li t-tappini li kelli kienu l-itwal li tista’ tilgħab bihom” qal Chiellini li ż-żelqa tiegħu ippermettiet lill-attakkant Ġermaniż Reus jiskorja.
Fortunatament għal Chiellini iżda, Alvaro Morata skorja l-gowl tar-rebħa 2-1.
“Wara d-draw Borussia poġġewna taħt pressjoni imma wara l-mistrieħ konna aħna li għamilna l-partita. Huma għandhom plejers individwali li jispikkaw fl-ispazji u poġġewna f’diffikultà meta sfruttaw l-ispazji. Imma aħna sfruttajna ċ-ċansijiet li ħloqna.”
L-awtur tal-gowl Ġermaniż Reus qal, “Ma konniex tajjeb fit-tieni taqsima u ftit kellna ċansijiet. Imma kollox għadu miftuħ. Issa rridu nuru l-aħjar tagħna fil-partita ta’ ritorn.”
Ta’ diżappuntg ħal Juventus kien li weġġa’ l-playmaker Andrea Pirlo fl-ewwel taqsima u mhux mistenni jilħaq jirkupra għal kontra Roma fil-Kampjonat Taljan nhar it-Tnejn.
L-Arġentin Carlos Tevez, li fetaħ l-iskor għal Juventus qal, “Se tkun partita diffiċli fir-ritorn. Fiċ-Champions League xejn ma jkun mitmum. Anke kieku rbaħna 3-0.”
Tevez qal li kuntent bil-prestazzjoni ġenerali tat-tim.“Kienet logħba tajba u riżultat pożittiv.”
//= $special ?>