Qorti

Raġel li gidem tliet Pulizija ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest

Niġerjan li kien miżmum taħt arrest fil-Lock-Up tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u gidem tliet uffiċjali tal-Korp ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest u se jinżamm fil-Ħabs ta’ Kordin.

Il-każ seħħ nhar it-Tlieta 17 ta’ Frar fid-9 ta’ filgħaxija, bin-Niġerjan jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.

In-Niġerjan, residenti Marsaskala, kien miżmum fuq abbuż sesswali ta’ minorenni. Dan wara li kellu tarbija minn tfajla taħt l-eta’. Madankollu, peress li r-raġel ibagħti mill-iskiżofrenija, kien se jittieħed lejn il-poliklinika tal-Furjana għal viżta ta’ tabib.

Imma kif ir-raġel ġie nfurmat li kien se jittieħed il-poliklinika, hu rvilla, beda jirreżisti lil erba’ uffiċjali li kienu se jeskortawh, irrifjuta li jiġi mmanettjat u ntefa’ mal-art.

Finalment tabib miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana ntalab fil-post u ordna li r-raġel jinżamm taħt kura fl-Isptar Monte Karmeli.

Minn naħa l-oħra tliet uffiċjali ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura minħabba li ngidmu mir-raġel, u biex jiġu ċċertifikati għall-ġrieħi ħfief li ġarrbu.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Sylvana Briffa.