L-ISIS fil-Libja wissa lil kemm il-Gvern Libjan ibbażat f’Tobruk, kif ukoll dak fi Tripli, għalih huma l-infidili, it-terminu li l-militanti Iżlamiċi jużaw għal kull min ma jaħsibhiex bħalu u jkun fil-mira tiegħu.
It-twissija saret permezz tal-Brigata Battar, meqjusa bħala l-fergħa ewlenija tal-ISIS fil-Libja u li hi bbażata f’Derna.
Tal-ISIS qalu kemm lill-Gvern fi Tripli, kif ukoll lil dak f’Tobruk biex jitolbulhom maħfra u wissew li jekk jazzardaw jattakkawhom, kienu se jpattuha qares. Sadattant il-Brigata Battar wissiet ukoll lill-ġelleida ta’ Misurata, alleata mal-Gvern ta’ Tripli u forza militari ewlenija fil-Libja. Tal-Brigata Battar qalu lill-awtoritajiet ta’ Misurata, post strateġiku, biex ma jindaħlux u ma jfixklux il-ħidma militari tal-ISIS fil-Libja. Huma qalu li jekk il-ġellieda ta’ Misurata jazzardaw jattakkawhom, l-irjus tagħhom kienu se jitpoġġew mad-daħla tal-belt.
Il-Brigata Battar qed topera wkoll fiz-zona ta’ Leithi f’Bengażi u issa hi l-forza ewlenija ta’ militanti Iżlamiċi hemmhekk, wara li għelbet lil Ansar Al-Sharia, li s’issa kienet il-forza militanti Iżlamika ewlenija fil-Libja.
Hemm għajdut li l-Brigata Battar kienet wara l-qtil ta’ Mohamed Al-Zahawi, il-mexxej tal-Ansar Al-Sharia, li l-mewt tiegħu kienet ikkonfermata x-xahar li għadda. Għall-ewwel kien intqal li hu kien inqatel f’attakk mill-ajru.
Sadattant uffiċjali Eġizzjani qalu li madwar 20,000 Eġizzjan kienu ħarbu mil-Libja minn mindu l-ISIS ħarġu l-filmat tal-qtugħ ir-ras ta’ 21 Nisrani Eġizzjan. Il-filmat wassal għal sensiela ta’ attakki mill-ajru bi tpattija mill-Eġittu.
//= $special ?>