Lokali Qorti

Wieħed biss mill-aħwa Farrugia ma kienx jaf bl-allegat involviment fuq tixħim taż-żejt

Mill-investigazzjoni li għamlet il-Pulizija, kien wieħed biss mill-aħwa Farrugia li ma kienx jaf li George Farrugia kien qed ixaħħam lil diversi persuni u Uffiċjali tal-Enemalta u l-MOBC biex jirbħu l-kuntratti. Meta kienu interrogati mill-Pulizija, erba’ mill-ħames aħwa qalu li kienu jafu bl-attività li kienet qed issir, iżda ma jafux min kienu l-persuni involuti. Dwar il-karozza li ngħatat lil Frank Sammut, kien jaf wieħed mill-aħwa biss, Raymond Farrugia.

Dan ħareġ meta bdiet il-kumpilazzjoni, quddiem il-Maġistrat Miriam Hayman, ta’ Antonio Farrugia ta’ 68 sena mill-Marsa u residenti Santa Venera, Gaetano Farrugia ta’ 65 sena mill-Marsa u li joqgħod Santa Venera, Raymond Farrugia ta’ 62 sena mill-Marsa u residenti Ħ’Attard, Salvu Farrugia ta’ 60 sena mill-Ħamrun u residenti Santa Venera, flimkien ma’ Emmanuel Farrugia ta’ 59 sena mill-Ħamrun u residenti Ħaż-Żebbuġ. Dawn huma kollha Diretturi tal-kumpanija John’s Group u li għandhom kumpaniji oħrajn f’isimhom.

Ix-xhud ewlieni fil-każ kien l-Ispettur Angelo Gafà, li qal li l-unika persuna li qal lill-Pulizija li ma kinitx taf bil-każ ta’ tixħim kien Emmanuel Farrugia, filwaqt li Raymond u Salvu ammettew li kienu ffirmaw ukoll iċ-ċekkijiet. Mill-interogazzjoni li saret, irriżulta wkoll li f’laqgħa li kellu, George Farrugia kien qal lil ħutu li kien qed ixaħħam diversi persuni. Skont l-Ispettur Gafa, it-tixħim kien isir permezz ta’ flus kontanti, ċekkijiet u anke karozza li ngħatat lill-ex Chairman tal-Enemalta Frank Sammut biex jgħaddiha lil ibnu.

Il-karozza kienet tħallset mill-kumpanija Powerplan għas-somma ta’ Lm12,000 (madwar €28,000). Din il-kumpanija kienet titmexxa minn George Farrugia, li jiġi ħu l-akkużati, bl-akkużati huma Diretturi tal-kumpanija. L-Ispettur Gafa xehed fit-tul dwar il-kobba mħabbla fl-isklandlu taż-żejt, fejn tressqu diġà għadd ta’ eks Uffiċjali tal-Enemalta u tal-MOBC. Ix-xhud qal li l-akkużati ma kienux jafu b’ċerti ftehim li kienu qed isiru minn George Farrugia.

L-Ispettur tenna li l-ħlasijiet saru lil diversi persuni, fosthom lil Tarċisju Mifsud, Tancred Tabone u oħrajn li kienu jmorru fuq George Farrugia u jitolbuh ħlas ta’ kummissjonijiet biex jagħtuh ix-xogħol. Dawn, flimkien ma’ George Farrugia, għamlu eluf kbar ta’ flus flimkien u ġieli wkoll kien hemm okkażjonijiet fejn, minkejja li kien jgħaddi l-flus, kien jibqa’ ma jieħux it-tender.

Meta kien jiġri hekk, dawn kienu jgħidu lil George Farrugia li “aħjar hekk biex ma nagħtux fl-għajn”. L-Ispettur kompla li tant it-tixħim kien wieħed lampanti, li meta kien ġie għal xogħol f’Malta ċertu Tim Waters, minn Trafigura, l-eks Chairman tal-Enemalta kien talbu biex joħroġ barra għax magħhom kien hemm George Farrugia u f’temp ta’ 20 minuta dan qallu biex iħallsu l-kummissjonijiet b’mod dirett.

Trafigura ma riedux jagħmlu dan u Waters qal lil George Farrugia wkoll li dawn l-affarijiet ma jagħmluhomx. Darba minnhom, uħud mill-flus li ġejjin mill-kummissjonijiet ingħaddew ukoll f’kont fl-Iżvizzera. Ix-xhud qal li fl-4 ta’ Marzu 2013, il-Pulizija kienet għamlet tfittxija fil-propjetà tal-kumpanija f’Ħal Qormi u l-Ħamrun, minfejn kienu elevati diversi dokumenti. Qal ukoll li ħarġu wkoll flus mill-kumpanija Powerplan mingħajr lanqas biss ingħataw riċevuti.

L-Ispettur Gafa tenna li għall-ewwel George Farrugia kien baqa’ sieket fuq allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u għalhekk sa dak l-istadju l-Pulizija ma setgħetx tipproċedi kontrih. Waqt li kien arrestat, sar magħruf mill-media li l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien kien lest joffri Proklama biex Farrugia jitkellem u jikxef il-korruzzjoni. Hu kien dam arrestat għal 48 siegħa u l-Kummissarju kien qallu dwar l-offerta tal-Prim Ministru.

Ix-xhud kompla li kien irċieva telefonata mill-Avukat Franco Debono, f’isem Farrugia, li staqsa dwar il-Proklama qabel ma bdew id-diskussjoni, li matulhom Gafà qal li kienx involut. L-għada li ngħata l-Proklama, George Farrugua kien intervistat mill-Kummissarju John Rizzo u l-Assistent Kummissarju, illum Kummissarju, Michael Cassar, fejn l-Ispettur Gafà kien preżenti.

Il-każ se jkompli għada, meta mistenni jixhed George Farrugia. Għall-aħwa qed jidher l-Avukat David Farrugia Sacco.