Il-Gvern m’għandux jibqa’ jfittex argumenti mal-UE u għandu jissieħeb fil-koalizzjoni kontra l-Istat Iżlamiku
Malta qatt ma tista’ tħares b’mod li tkun eżenti mit-theddida tat-terroriżmu organizzat. L-Oppożizzjoni trid lill-Gvern ikun konsistenti, jieħu l-pożizzjoni li għandu jieħu, u fil-fora internazzjonali jkun Gvern li jkun kapaċi jġib ir-riżultati favur pajjiżna mibnija fuq kuraġġ, viżjoni, determinazzjoni, kredibbiltà u li jieħu d-deċiżjoni t-tajba fil-mument opportun.
Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Immigrazzjoni, għamel dawn l-appelli fil-Parlament fid-diskussjoni dwar l-Abbozz ta Liġi li jemenda l-Kodiċi Kirminali biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Enfasizza li fil-konfront tat-terroriżmu, il-kunċett ta’ newtralità hu għal kollox irrilevanti għaliex il-pożizzjoni ta’ Malta għandha tkun dejjem b’vuċi b’saħħitha kontra t-terroriżmu u taqdi wkoll l-obbligi internazzjonali.
Filwaqt li sostna li l-qbil unanimu fil-Parlament dwar din il-liġi hu messaġġ ta’ unanimità ta’ poplu li jrid jagħmel il-parti wkoll tiegħu kontra t-terroriżmu, Francis Zammit Dimech appella lill-Gvern biex ikun proattiv, effettiv u kredibbli aktar.
Ikkritika li sal-lum il-Gvern Malti għadu ma jafx meta se jingħaqad fil-koalizzjoni kontra l-Istat Iżlamiku. Quddiem dak li ssejjaħ mill-Gvern bħala żball burokratiku fl-Unjoni Ewropea fil-konfront ta’ Malta, il-Gvern m’għandux jibqa’ jfittex argumenti u għandu jissieħeb fil-koalizzjoni u jkun qed jagħti messaġġ ċar fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Il-Kelliem dwar l-Immigrazzjoni semma wkoll il-moviment kbir ta’ immigranti minħabba problemi u s-sitwazzjoni f’pajjiżhom. Esprima t-tħassib serju tas-sitwazzjoni preżenti fil-Libja, li qed toħloq periklu akbar ta’ influss akbar ta’ immigrazzjoni lejn pajjiżna.
L-Oppożizzjoni trid kunsens fil-qasam tal-politika barranija u li jinżamm b’mod li jirrifletti wkoll id-diskussjoni bejn Gvern u Oppożizzjoni, u li dan jissaħħaħ bid-deċiżjonijiet li jieħu l-Gvern fl-interess ta’ pajjiżna.
Irrifera għal konferenza interparlamentari li attenda għaliha fil-Parlament Ewropew dwar smart boarders package, u fejn irriżulta li l-UE qed tara sitwazzjoni ta’ sfida u opportunità. L-UE qed tilqa’ miljuni ta’ nies li qed jivvjaġġaw lejha għal skop ta’ turiżmu, xogħol u negozju b’investiment anke minn barra l-UE. Dan hu influss li qed jagħmel pressjoni fuq il-fruntieri Ewropej b’rabta mas-sistemi biex tikkontrolla u tiffaċilita għal min irid jidħol għal rieda tajba. Iżda hemm l-isfida wkoll tat-terroriżmu.
Il-konferenza fil-Parlament Ewropew iddiskutiet għaldaqstant metodi ġodda ta’ sorveljanza b’teknoloġija fl-ivvjaġġar lejn l-Ewropa biex tilqa’ għall-isfida tat-terroriżmu li dejjem qiegħda tikber. Sfida marbuta wkoll ma’ ċittadini fl-Unjoni Ewropea li qed ikunu maħtufa mis-sistemi ta’ twemmin ripressiv u wkoll brutali.
L-Oppożizzjoni se tkun mal-Gvern fil-liġi li qed tħares il-ġlieda kontra t-terroriżmu, fosthom l-attakki kontra sistemi ta’ informazzjoni u dak kollu li jikkostitwixxi theddid kontra dawn is-sistemi, li issa se jkun meqjus bħala att kriminali.
Francis Zammit Dimech tkellem ukoll dwar elementi oħra li qed jiddaħħlu fl-Abbozz ta’ Liġi, fosthom l-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi, parti minn qafas Ewropew li jiġbor l-akkwisti li jinġabru mill-attività illegali.
Appella biex naffermaw il-prinċipji li nemmnu fihom, fosthom dawk favur il-libertà tar-reliġjon, tal-individwi u tad-dinjità. Ugwalment irridu nkunu viġilanti, proattivi u b’sens ta’ politika nazzjonali waħda b’messaġġ u bi Gvern li jagħmel il-miżuri kollha meħtieġa u jkun proattiv u joffri serħan il-moħħ favur il-poplu.
F’din il-ħidma, il-Gvern għandu l-appoġġ tal-Oppożizzjoni.
//= $special ?>