Tliet ġurnalisti tal-Al-Jazeera spiċċaw arrestati għall-allegati movimenti illegali ta’ drone fuq Pariġi. L-arresti seħħew wara li l-ġurnalisti ntlemħu mill-pulizija fil-lokalita ta’ Bois de Boulogne.
Intant, kelliema għall-Prosekuturi qalu li ‘għalissa m’hemm l-ebda konnessjoni konkreta’ bejn il-persuni arrestati u d-diversi titjiriet misterjużi bid-drones li seħħew fl-aħħar iljieli fuq il-kapitali Franċiża.
Is-sorsi qrib l-istazzjon Al-Jazeera qalu wkoll li l-ġurnalisti inkwistjoni ‘kienu qed jiġbdu filmat għal rapport’ dwar id-drones li dehru fuq Pariġi, fl-iljieli tat-Tnejn u t-Tlieta.
Il-liġi Franċiża tipprojbixxi t-titjiriet tad-drones fuq Pariġi mingħajr liċenzja speċifika u l-persuni li jabbużaw jistgħu jeħlu massimu ta’ sena ħabs u multa ta’ 75,000 ewro.
Fl-istess ħin, is-sorsi ġudizzjarji li kkummentaw dwar il-ġurnalisti arrestati qalu li ‘wieħed kien qed imexxi d-drone waqt li t-tnejn l-oħra kienu qed jiġbdu filmat u jsegwu l-movimenti tiegħu’.
Arresti b’rabta mad-drones fuq Pariġi
