Ħaddiema tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi kmieni wara nofsinhar bdew bix-xogħol biex ineħħu l-graffiti u jiżbgħu mill-ġdid żewġ bus shelters. Dan wara li matul il-lejl li għadda nżebgħu graffiti b’theddid kontra l-Kristjani.
Il-Pulizija qed tinvestiga dawn il-kitbiet, li saru kemm bl-Ingliż u bl-Għarbi, li nstabu fi tliet postijiet differenti; fuq żewġ bus shelters fit-triq bejn Ħaġar Qim u Wied iż-Żurrieq, u mal-Kappella ta’ San Mattew tal-Maqluba fil-Qrendi stess.
Il-messaġġ f’dawn il-graffiti jgħid “mewt għall-insara” u bid-data tal-1 ta’ Marzu li ġej. Ma’ dawn hemm ukoll kitba bl-għarbi li tfisser “Allah” imma hija miktuba ħażin. Din il-ħaġa tista’ tindika li dan l-att ma sarx minn persuna fluwenti fil-lingwa Għarbija.
Tkellimna mas-Sindku tal-Qrendi, David Schembri, li kien hu l-ewwel li ra l-graffiti mal-Kappella ta’ San Mattew waqt ronda li jagħmel kull filgħodu. Spjega li hekk kif kien fuq il-post mal-Kappillan tal-lokal, daħal rapport li nstabet graffiti oħra quddiem it-Tempji ta’ Ħaġar Qim, u iktar tard graffiti oħra ħdejn Wied iż-Żurrieq.
Schembri fisser li lr-residenti huma ddispjaċuti u rrabjati li l-Qrendi ntuża biex jiżdied l-allarm.
//= $special ?>