Il-Libja għandha tkun mgħejuna. L-Ewropa għadha fil-ħin li tgħin lil-Libja tibni l-istituzzjonijiet, xi ħaga li messha saret immedjatament u b’iktar saħħa wara l-waqa’ tar-Reġim ta’ Gaddafi.
Qal dan l-eks Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi waqt konferenza bl-isem ta’ “Libya: An Unfinished Revolution”, organizzata minn Leading Talks u Kite Group, fid-dawl tal-erba’ snin mill-bidu tar-Rivoluzzjoni Libjana.
L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi mexxa lil Malta matul ir-Rivoluzzjoni Libjana u minkejja r-relazzjoni mill-qrib ta’ Gvernijiet Soċjalisti mal-Kurunell Gaddafi, għażel li jappoġġja x-xewqa tal-poplu Libjan li jieħu l-Indipendenza minn reġim oppressiv.
Fakkar kif matul ir-Rivoluzzjoni f’Malta ħadna deċiżjonijiet diffiċli u llum il-komunità internazzjonali, b’mod speċjali dik Ewropea, trid tibqa’ temmem f’futur għal-Libja. L-għan aħħari tad-drittijiet umani għal-Libjani ma jitlobx mod iehor.
Hu qal li kien ikun aktar kuntent li kieku llum qed niċċelebraw dan l-anniversarju billi nitkellmu dwar pajjiż magħqud u mhux dwar pajjiż maqsum bejn żewġ fazzjonijiet u Gvernijiet. Sitwazzjoni li ħadu vantaġġ minnha gruppi terroristiċi, bħall-ISIS.
Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni diffiċli fil-Libja, Lawrence Gonzi qal li l-futur Libjan fih ħafna inċertezzi u jqajjem numru ta’ mistoqsijiet, iżda dan kollu qed jiġri tant qrib Malta li ma nistgħux ninjoraw dak li qed iseħħ.
//= $special ?>