Lokali

Il-Maratona ta’ Malta għallmitni kemm hi importanti d-determinazzjoni – Simon Busuttil

L-esperjenza tiegħi fil-Maratona ta’ Malta għallmitni kemm id-determinazzjoni tgħinek tilħaq l-għanijiet li jkollok, f’kull ħaġa fil-ħajja.

Kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fil-programm Malta Llejla fuq net Television, immexxi mill-preżentatriċi Stephanie Spiteri.

Simon Busuttil, li kien akkumpanjat mit-tfajla tiegħu Kristina Chetcuti, tkellem dwar kemm il-Maratona ta’ din is-sena kienet diffiċli għall-parteċipanti kollha minħabba l-ostakli kollha, inkluż it-temp. “Tgħallimt li d-determinazzjoni twasslek fejn tixtieq, għax minkejja li kont ma niflaħx, u spiċċajna mxarrba għasra, irnexxieli nasal sal-aħħar,” saħaq busuttil, waqt li sellem lill-parteċipanti kollha.

Filwaqt li qal li hu dejjem xtaqt li jagħmel din l-esperjenza, u fl-aħħar waslet l-opportunita’, Simon Busuttil wassal messaġġ ta’ inkoraġġiment lil ħaddieħor biex jagħmel il-Maratona, kemm għalih innifsu kif ukoll għall-karita’. Kompla li hu kuntent li bil-parteċipazzjoni tiegħu għen lill-Inspire.

Matul l-intervista, Simon Busuttil tkellem dwar il-ħajja privata tiegħu, li meta beda jinvolvi ruħu fil-politika bdiet tinbidel. “Meta ssir involut fil-politika, trid taċċetta li int tan-nies u mhux tiegħek innifsek. Domt biex drajt li mindu dħalt fil-politika, tlift il-privatezza li kelli qabel,” qal Simon Busuttil.

Fisser kif qabel daħal f’relazzjoni ma’ Kristina, kien qed jinkwieta ħafna propju minħabba dan il-fatt. “Jien anke’ lil uliedi nipproteġihom ħafna propju minħabba n-nuqqas ta’ privatezza fil-politika,” tenna Simon Busuttil.

Minn naħa tagħha Kristina qalet li llum il-ħajja fil-politika ta’ Simon Busuttil saret ukoll parti minn ħajjitha u aċċettat li meta toħroġ ma’ Simon Busuttil jersqu fuqhom persuni jitkellmu magħhom anke’ għaliex hu fil-karattru tagħha li tieħu gost tiltaqa’ man-nies.