Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jikkonferma t-tħassib leġittimu tal-Oppożizzjoni dwar il-qagħda ta’ ċertu setturi tal-ekonomija maltija. Fi stqarrija, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Finanzi Mario de Marco fakkar fil-messaġġ tal-Oppożizzjoni fejn filwaqt li l-ekonomija b’mod ġenerali għandha andament pożittiv, hemm ċerti setturi, ewlieni fosthom il-manifattura, li jieħtieġ attenzjoni.
Il-qagħda dgħajfa tal-industrija tal-manifattura, iż-żieda fir-rwol tal-Gvern fl-ekonomija u t-tkabbir tas-settur pubbliku huma l-iktar tliet oqsma li qed joħolqu tħassib.
Ir-Rapport tal-Bank Ċentrali jgħid li l-valur tas-settur tal-manifattura naqas bejn Ġunju u Settembru li għadda u l-indikazzjonijiet għall-aħħar kwart tas-sena li għaddiet m’humiex aħjar. Mario de Marco kompla li kuntrarju għal dak li qed jgħid il-Gvern, it-tnaqqis mhux limitat għal settur wieħed għaliex ir-rapport jgħid li t-tnaqqis ġej mill-farmaċewtika, tessuti, elettronika, ħwejjeġ u enerġija.
Dwar ir-rwol tal-Gvern fl-ekonomija, il-Bank Ċentrali jgħid li l-konsum tal-Gvern tela’ bi 3.2% għal 5.9% u din iż-żieda fil-konsum kienet responsabbli għal żieda ta’ 1% fil-Prodott Domestiku Gross. In-nefqa tal-Gvern żdiedet b’7.7% tul l-2014, l-iktar minħabba żieda fin-nefqa rikorrenti. Il-pagi waħedhom fis-settur pubbliku żiedu n-nefqa bi 8%.
Il-Viċi Kap tal-PN qal li filwaqt li l-istrateġija tal-Gvern tista’ taħdem fil-qasir żmien, din ma tistax tiġi sostnuta fit-tul għaliex din iż-żieda fin-nefqa qed twassal għal żieda qawwija fid-dejn.
L-impjiegi fis-settur pubbliku fl-aħħar sentejn żdiedu bi 3,000 u ż-żieda fin-nefqa fil-pagi bejn l-2013 u din is-sena mistennija tkun ta’ €57 miljun jew 9%. Li żżid in-nies fis-settur pubbliku mhux it-tweġiba għall-qgħad.
L-Oppożizzjoni ssejjaħ mill-ġdid lill-Gvern biex jiffoka fuq is-setturi ekonomiċi li mhux sejrin tajjeb u lill-Ministru tal-Finanzi biex iżomm in-nefqa pubblika taħt kontroll.
//= $special ?>