Ekonomija Lokali Unjoni Ewropea

Filmat: It-taxxa għandha tibqa’ kompetenza ta’ kull Stat Membru – David Casa

It-taxxa hi kompetenza ta’ kull Stat Membru u hekk għandha tibqa’. Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa wara laqgħat li kellu fil-Kumitat Speċjali tal-Parlament Ewropew inkarigat jinvestiga l-prattiċi tat-taxxi. Il-Kumitat Speċjali, li ltaqa’ għall-ewwel darba llum fi Brussell, isegwi allegazzjonijiet li saru f’Novembru li għadda dwar il-Lussemburgu.

Dakinar, kien ingħad li l-Lussemburgu kien għen kumpaniji kbar biex jevitaw li jħallsu ammonti sostanzjali ta’ ewro f’taxxi lejn pajjiżi oħrajn. David Casa qal li, madankollu, dan il-Kumitat Speċjali mhux se jkun qed jiddiskuti biss dawn l-allegazzjonijiet partikolari, iżda wkoll kwalunkwe abbużi minn Stati Membri oħrajn.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew esprima t-tama li d-dibattitu f’dan il-Kumitat Speċjali jkun ta’ benefiċċju ħalli l-pajjiżi jifhmu x’inhuma l-aħjar prattiċi komuni tat-taxxi. Madankollu, sostna li kull Stat Membru għandu jibqa’ jkollu l-flessibbiltà u d-diskrezzjoni li jilleġiżla kif iħoss li hu xieraq.

David Casa, li hu l-uniku MEP Malti f’dan il-Kumitat Speċjali, fakkar li fix-xhur li għaddew kien hemm sforzi kollettivi fl-Unjoni Ewropea biex id-diversi sistemi ta’ tassazzjoni jiltaqgħu, iżda dan kien kollu għalxejn.