Lokali

Jilqa’ l-apoloġija ta’ Michael Falzon

is-sospensjoni mill-PN se tibqa’ fis-seħħ sakemm ikunu ċċarati l-affarijiet

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil laqa’ l-apoloġija ta’ Michael Falzon wara li l-aġir tiegħu issarraf fi ksur tal-fiduċja tal-pubbliku.

Fi stqarrija, Simon Busuttil qal li l-ġest ta’ Michael Falzon hu rikonoxximent għall-istandards ta’ persuni f’posizzjoni pubblika. Il-Kap tal-PN kompla li għalissa, is-sospensjoni ta’ Michael Falzon tibqa’ fis-seħħ sakemm il-kwistjoni kollha tiġi iċċarata iżda jinsab konvint li l-istrutturi tal-partit se jikkunsidraw din l-apoloġija meta jaslu għad-deċiżjoni aħħarija tagħhom.

Hu ħeġġeġ kemm lil Michael Falzon kif ukoll lil Ninu Zammit sabiex jipprovdu d-dettalji kollha sabiex l-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista jibdew ix-xogħol tagħhom mingħajr dewmien.

Simon Busuttil qal li l-PN dejjem stinka biex ikun hemm l-ogħla standards ta’ mġieba minn persuni li jkollhom karigi politiċi u pubbliċi.

Min-naħa l-oħra, Joseph Muscat qed jibgħat messaġġ bil-kontra; bl-imġieba tal-ministri, ħatriet ta’ deputati, liġijiet ambjentali, impjieg fis-settur pubbliku u l-iktar riċenti, l-abbuż sfaċċat ta’ fondi pubbliċi fil-każ tal-Cafe Premier bl-intervent dirett tal-Prim Ministru.
Il-Kap tal-PN fakkar li iktar minn sena ilu kien ressaq abbozz ta’ liġi sabiex jitwaqqaf ufficcju ta’ Kummissarju għall-Imġieba Xierqa fil-ħajja pubblika. Iżda jidher li l-Gvern Laburista hu indifferenti fejn jidħlu standards ta’ imġieba f’karigi pubbliċi.